Sidien ta’ ħwienet fil-Belt jinsabu kawti u xi ftit inċerti, imma qed jittamaw li l-ftuħ tal-ajruport jgħin jagħti spinta lin-negozju tagħhom.
Ġimgħa eżatt mill-ftuħ tal-istabbilmenti tal-ikel u madwar tlett gimgħat mill-ftuħ ta’ diversi ħwienet oħra, dan kien is-sentiment ta’ ħafna sidien li tkellmu ma’ Net News.
Crew ta’ Net News dar dawra mal-kapitali fejn raw xeni li m’aħniex imdorrijin naraw. Strada Rjali, fost l-oħrajn, nieqsa ħafna mill-mijiet ta’ persuni li ssoltu tara ta’ għaddejjin ta’ kuljum, min mgħaġġel u min jeħodha aktar bilmod. Kafetteriji u ristoranti bi ftit klijenti, u ħwienet varji tista’ tgħid vojta għajr għall-ħaddiema tagħhom.
Żmien iebes li ħadd ma basar li seta’ qatt ikolna, u żmien ta’ sfida għan-negozji fil-Belt Kapitali tagħna, kif spjegawlna diversi sidien ta’ ħwienet.
Sid ta’ ħanut tas-souvenirs. fid-daħla tal-belt qalilna li żmien bħal dan ma kien ibassru ħadd, u li n-negozju bħalissa huwa wieqaf. It-tama tiegħu hu li bil-ftuħ tal-ajruport il-bejgħ jitla mqar bi 15%, forsi jsalvaw is-sena.
Sid ta’ kafetterija li ssoltu jkun bla nifs bix-xogħol, kellu biss żewġ imwejjed bil-klijenti, bil-ħaddiema wieqfa, jistennew. Qalilna li kien ikun aħjar li kieku baqa’ magħluq u li dan huwa żmien iebes ħafna.
Staqsejnih jaħsibx li l-ftuħ tal-ajruport jgħinx lin-negozju tiegħu jerġa jqum fuq saqajh, iżda hu esprima d-dubji kemm in-nies se jħossuhom komdi jivvjaġġaw.
Dawra mat-toroq tal-Belt turik li kien hemm sidien ta’ ristoranti u kafetteriji oħra li għażlu li jibqgħu magħluqin minkejja t-tnaqqis fir-restrizzjonijiet.
Żmien iebes ukoll għall-ħwienet l-oħra, dawk tal-ħwejjeġ u taż-żraben, fost oħrajn, li ħafna minnhom kienu vojta għajr għall-ħaddiema, għalkemm hemm min kapaċi jħares lejn is-sitwazzjoni b’lenti pożittiva, anke għall-fatt li l-klijenti regolari, baqgħu leali u marru jixtru mill-ħwienet tagħhom hekk kif reġgħu fetħu l-bibien tagħhom.
Il-ħajja għada kajmana ħafna bil-Belt Kapitali tagħna li sa ftit tax-xhur ilu kienet belt mimlija ħajja. It-tama ta’ kull wieħed u waħda minn mis-sidien ta’ negozji fil-Belt Valleta hi li għada jkun aħjar mil-lum.
//= $special ?>