Futbol Sport

Paul Zammit jispiċċa minn kowċ ta’ Gżira United

L-esperjenza ta’ Paul Zammit bħala kowċ ta’ Gżira damet biss ftit ġimgħat hekk kif fuq il-profil tiegħu fuq facebook ħabbar li ntemmet l-esperjenza tiegħu mal-klabb wara diskussjonijiet mal-President Sharlon Pace. Zammit sejjaħ din l-esperjenza bħala sfortunata. Hu ħa t-tmexxija tat-tim lejn l-aħħar ta’ Jannar u b’mod effettiv ħadem mat-tim għal seba’ ġimgħat, hekk kif il-kampjonat kellu jieqaf minħabba l-pandemija u spiċċa ma tkompliex.

Minħabba li din il-waqfa, Gżira United ġew ikklassifikati fis-sitt post. Zammit mexxa lil Gżira għal ħames logħbiet biss, b’rebħa kontra Balzan, draw kontra Floriana u telfiet kontra Sliema Wanderers, Valletta u Birkirkara. Hu rringrazzja lill-President Sharlon Pace u l-kumitat tal-klabb, l-istaff tekniku u l-partitarji iżda fuq kollox lill-plejers tal-impenn u r-rispett.