Ir-Renju Unit jista’ joffri t-triq taċ-ċittadinanza lir-residenti ta’ Hong Kong bil-passaport Britanniku ( British National Overseas). Dan f’każ li ċ-Ċina ma tissospendix il-pjani għal liġi ġdida kontroversjali dwar is-sigurtà f’dak it-territorju semi-awtonomu li kien spiċċa minn kolonja Britannika fl-1997.
Is-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Dominic Raab, irrefera għal din il-possibbiltà waqt li ċ-Ċina rreaġiet b’rabja, fost messaġġ speċifiku li hi ‘qed tirriserva d-dritt għall-kontro-miżuri fir-rigward tar-Renju Unit’.
Il-pjan ġdid dwar is-sigurtà ta’ Hong Kong jesiġi li kull tentattiv ( fit-territorju) biex inaqqas mill-awtorità tal-Gvern komunista Ċiniż irid jitqies bħala reat. Il-Parlament f’Beijing, jiem ilu, appoġġja din il-proposta li kapaċi, ‘il quddiem, tikkonkludi l-era tal-awtonomija relattiva għal Hong Kong.
Kelliema għal Beijing qalu li r-Renju Unit u ċ-Ċina kienu qablu li min, f’Hong Kong, għandu passaport tal-British National Overseas (BNO) mgħandux igawdi residenza fir-Renju Unit.
Iċ-Ċina tinsisti li n-nies ta’ Hong Kong li għandhom il-passaport BNO huma ċittadini tagħha u li r-Renju Unit ikun anki qed jabbuża mil-liġi internazzjonali ‘f’każ li jinsisti biex jibdel il-prattika u jmur lura mill-ftehim ma’ Beijing’.
F’Hong Kong, bħalissa, hemm mat-300,000 resident bil-passaport BNO u li għandhom id-dritt biex iżuru lir-Renju Unit għal massimu ta’ sitt xhur mingħajr ħtieġa għal visa.
L-istqarrija ta’ Dominic Raab ħarġet wara li r-Renju Unit, l-Istati Uniti, l-Awstralja u l-Kanada ħarġu messaġġ ta’ kundanna komuni għall-pjan ta’ Beijing dwar il-liġi tas-sigurtà ‘li taffettwa ħażin il-ftehim ta’ pajjiż wieħed b’żewġ sistemi ffissat qabel Hong Kong għadda minn idejn il-Britanniċi għal Beijing (fl-1997)’.
Il-ftehim jiggarantixxi awtonomija u drittijiet lil Hong Kong li ma jeżistux f’reġjuni oħra taċ-Ċina.
Intant, iċ-Ċina għadha tiċħad bil-qawwi l-kritika barranija għal-liġi li trid iddaħħal għal Hong Kong u li kapaċi tidħol fis-seħħ lejn l-aħħar ta’ Ġunju.
//= $special ?>