Lokali

Raġel jindarab gravi wara inċident bil-mutur

Kien għall-ħabta tas-sebgħa ta’ dalgħodu li t-toroq Maltin sfortunatament reġgħu esperjenzaw inċident ieħor stradali fejn għal darba oħra kien involut sewwieq ta’ mutur.

Il-Pulizija ġiet infurmata li kien għadu kemm seħħ inċident tat-traffiku fi Triq Tul il-Kosta, Baħar iċ-Ċagħaq u l-Pulizija mill-Għassa tan-Naxxar marru immedjatament fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li għal xi raġuni, raġel li għandu 33 sena, residenti Ta’ Xbiex, tilef il-kontroll tal-mutur li kien qed isuq u waqa’.

Dan kellu konsegwenzi koroħ peress li huwa sofra xi ġrieħi gravi. Jidher li l-mutur tat-tip Kymco Agility 125 kien qed jinstaq fid-direzzjoni lejn Buġibba meta seħħ l-inċident.

Is-sewwieq tal-mutur ittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura fejn ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi ta’ natura gravi. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.