Lokali Qorti

Raġel li spara tiri f’attentat ta’ ‘hold-up’ u li llum rriforma ruħu kundannat 36 xahar ħabs

Raġel minn Ħal Balzan, li kien jaħdem bħala welder ġie kkundanntat 36 xahar ħabs u mmultat €800 wara li ammetta li fit-13 ta’ Novembru 2018 spara tiri ta’ arma tan-nar meta ipprova jwettaq hold-up f’ħanut tal-merċa f’Ħaż-Żabbar.

Ħadd ma kien weġġa’ f’dan l-inċident li kien seħħ fi Triq il-Kbira, Ħaż-Żabbar, anke jekk tifel ta’ 10 snin kien idaħħal l-isptar isofri minn xokk.
Xi persuni li kienu preżenti fil-ħanut irreżistew lill-aggressur, u kien f’dan il-mument li ġew sparati xi tiri iżda ħadd ma ntlaqat. Wieħed mit-tiri sparati kien spiċċa mas-saqaf tal-ħanut.

Fis-sentenza tagħha l-Maġistrat Rachel Montebello qieset il-fatt li kemm ilu taħt arrest preventiv il-ħabs qed jirriforma ruħu u jidher li miexi fit-triq li jegħeleb il-vizzju mit-teħid tad-droga.

Mhux talli hekk iżda huwa issa qed jiġi fdat mill-uffiċjali tal-ħabs u qed jagħmel ħafna xogħol fosthom fil-kċina fejn qed jieħu s-sengħa tat-tisjir bis-serjetà. Il-Qorti sadanittant ordnat li Calleja jitqiegħed ukoll taħt Ordni ta’ Trattament għal żmien tliet snin .

Sadanittant jirriżulta wkoll illi l-imputat ġie kkundannat diversi drabi fuq reati fosthom ta’ serq u li skonta diversi pieni karċerarji. Il-każ ta’ sena u nofs ilu seħħ fit-8,10pm. meta Marcus John Calleja, ta’ 47 sena, daħal mgħammad u armat fl-istabbiliment fejn dak il-ħin, flimkien ma’ sid il-ħanut, kien hemm xi nies oħra.

Huwa ammetta wkoll li żamm erba’ persuni kontra r-rieda tagħhom kif ukoll li kellu fuqu arma tan-nar mingħajr liċenzja, li spara f’post pubbliku u li sar reċediv.

Għall-finijiet tal-piena il-Qorti hadet qies ta’ diversi fatturi, fosthom il-gravità tar-reati kommessi mill-imputat u l-passat kriminali tieghu. Qieset ukoll iżda, li wera rieda evidenti li jimxi ‘l quddiem u jitbiegħed minn dan il-passat kriminali tieghu.

Mill-provi li ressqet id-difiża jirriżulta li Calleja, li ilu jinżamm taħt arrest preventiv għal xejn inqas minn 18-il xahar, qed jagħmel sforz sostanzjali biex jirriforma ruħu.

Fil-fatt, jirriċulta illi kemm ilu detenut fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin taħt arrest preventiv, irreġistra kambjament drammatiku fl-imieġba tiegħu, liema progress jidher li huwa dovut tal-anqas parzjalment ghad-dijanjosi li saritlu tal-kundizzjoni tal-Attention Deficit Hyperactive Disorder (ADHD) u għat-terapija li beda jingħata biex jindirizza din il-kundizzjoni.

Mix-xhieda tal-psikologa Sarah Farrugia li ilha ssegwi l-andament tal-imputat kemm ilu detenut fil-habs, jirriżulta illi b’effett ta’ din il-kundizzjoni l-imputat ibati biex jikkontrolla r-rabja u l-emozzjonijiet tiegħu, oltre li huwa iktar predispost għall-vizzji, fosthom tal-abbuż tad-droga.

Mix-xhieda jirriżulta wkoll li wara li saritlu din id-dijanosi u beda jieħu t-trattament mediku u psikjatriku u jattendi għat-terapija, l-imġieba tal-imputat giet kontrollata b’mod effettiv tant li ġie motivat biex għall-ewwel darba, jaqbad it-triq tar-riforma bis-serjetà, liema riforma, skont ix-xhieda mressqa mid-difiza, tkun konsolidata bit-twettiq ta’ programm ta’ rijabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga.

B’żieda ma’ dan, Helenio Galea, Logutinent fil-Facilità Korrettiva ta’ Kordin li wkoll tressaq bhala xhud għall-fini tal-piena, ikkonferma illi kemm ilu jinsab detenut il-progress li rreġistra l-imputat fl-imġieba tiegħu.

Dan kollu qed issarraf f’kambjament fl-individwu li anke wassal biex jingħata l-kariga li jipprepara l-ikel fil-canteen tal-ħabs u jservi l-gwardjani tal-Habs fil-canteen – missjoni li x-xhud fisser hija waħda ta’ fiduċja u li hija riżervata biss għal dawk il-ħabsin li huma meqjusin bħala kompletament affidabbli u eżemplari.

Mix-xhieda jirriżulta wkoll il- kambjament pożittiv fl-imputat jinsab manifestat ukoll fil-motivazzjoni u interess li wera biex effettivament jiġi mħarreġ fil-qasam tat-tisjir.

Il-Qorti qalet li m’hijiex sejra tinjora r-riżultanzi ta’ din ix-xhieda iżda temmen illi ma hemmx triq oħra fiċ-ċirkostanzi tar-reati kommessi u fl-isfond tal-preċedenti kriminali, fejn l-iktar kundanna reċenti ukoll kienet għar-reat ta’ serq bil-vjolenza (armed robbery), ħlief li timponi piena karċerarja effettiva.

Madanakollu, fil-kalibrazzjoni tal-piena, qalet li sejra toħloq bilanċ bejn il-ħlas li Calleja għandu lejn is-socjetà għall-ħsara li kkaġunalha bit-twettiq ta’ dawn ir-reat vjolenti, u r-rijabilitazzjoni tal-istess imputat.

Il-Qorti qalet li tqis ukoll li huwa imperattiv illi meta l-imputat jerġa’ jifforma parti mis-socjetà, ikompli jħaddem l-inċentivi pożittivi li sawwar waqt l-inkarċerazzjoni tiegħu u jissokta wkoll bit-trattament għall-kundizzjoni psikoloġika tiegħu u kontra l-vizzju tad-droga.

Il-Qorti qalet ukoll li tqis illi l-progress li rreġġistra l-imputat fl-imġieba ġenerali tiegħu u x-xewqa u l-motivazzjoni li qed juri biex jaqbad it-triq tar-riforma, għandu għalhekk jissarraf f’piena ferm moderata, u dan minkejja l-istorja twila tiegħu fil-kriminalità.

Il-Qorti kompliet tgħid li trid tassigura li l-imputat jiskonta l-piena mistħoqqa mingħajr, iżda, ma jitlef il-motivazzjoni u rrankatura li qabad fil-proċess ta’ rijabilitazzjoni, liema riżultati jistgħu faċilment jitħarbtu matul żmien twil ta’ inkarċerazzjoni

Ghal din ir-raġuni wkoll, il-Qorti tqis li huwa opportun li Marcus John Calleja jitqiegħed ukoll taħt Ordni ta’ Trattament b’effett immedjat sabiex ikompli jsahhah u jikkonsolida l-progress li għamel fil-ġlieda kontra l-vizzju tad-droga, kif ukoll sabiex jibqa’ jieħu t-trattamenti meħtieġa ghall-kura tal-kundizzjoni tal-ADHD u għall-kontroll tar-rabja.

l-Qorti fid-deċiżjoni tagħha ordnat ukoll il-konfiska tal-arma regolari u l-munizzjon li effettivament kienu fil-pussess tal-imputat waqt il-kummissjoni tad-delitt. Il-Qorti ordnat ukoll biex Calleja iħallas is-somma ta’ €5,791.86 tal-ispejjż kollha li għandhom x’jaqsmu mal-hatra ta’ esperti u Periti maħturin fil-proċeduri.

Il-Maġistrat Rachel Montebello ordnat ukoll sabiex lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin toffri l-għajnuna kollha lill-imputat minħabba l-problema tad-droga u li mill-perjodu ta’ 36 xahar ħabs jitnaqqas iż-żmien li huwa għamel taħt arrest preventiv. B’rabta ma’ dan l-inċdent kienu ġew arrestati wkoll żew’ żgħażagħ minn Ħaż-Żabbar.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Fabian Fleri, Lydon Zammit u Joanna Piscopo. L-Avukat Ezekiel Psaila deher bħala avukat tal-għajnuna legali għal Calleja.