Fid-dawl ta’ dikjarazzjoni oħra iebsa dalgħodu mir-Rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa, li kkundanna lil Gvern ta’ Robert Abela li ma jridx jiġġieled il-korruzzjoni, il-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-impunità li Abela jrid li tkompli tixxettel u li issa bdiet tfisser telf ta’ impjiegi f’Malta.
Fi stqarrija, f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Jason Azzopardi, il-Partit Nazzjonalista qal li għal darb’oħra, l-Uffiċjal tal-Kunsill tal-Ewropa inkarigat minn Malta kkritika n-nuqqas tal-Gvern li jinvestiga każijiet serji ta’ korruzzjoni, li jinvolvu nies fil-Gvern u politiċi mill-Partit Laburista, fosthom il-każ tal-Panama Papers, Vitals, bejgħ ta’ Passaporti u Electrogas.
Il-Partit Nazzjonalista qal li hu ċar li l-Gvern ta’ Abela la għandu rieda u lanqas interess jiġġieled il-korruzzjoni li fniet lil Malta u, kif ilu jwissi lil Partit Nazzjonalista, issa bdiet tissarraf f’telf ta’ impjiegi.
Il-Partit Nazzjonalista sejjaħ pubblikament lill-Gvern biex jagħti sostenn ħalli jitwaqqfu Joint Investigative Teams bejn l-awtoritajiet Maltin u dawk ta’ pajjiżi oħra Ewropej biex il-każi ta’ korruzzjoni f’livelli għoljin tigi miġġielda bis-sħiħ, bis-serjetà u mill-aktar fis.
Kull ġurnata li Robert Abela jibqa’ jirrifjuta li Malta tipparteċipa f’din il-kollaborazzjoni Ewropea, biex iwaqqaf il-korruzzjoni li l-Gvern tiegħu welled u siker fiha, tfisser ġurnata oħra moħlija biex ir-reputazzjoni mtertqa ta’ Malta tieħu r-ruħ.
//= $special ?>