Internazzjonali

Stati Uniti: Arja ta’ rewwixta f’Minneapolis, bid-dimostranti jqabbdu għassa tal-pulizija f’lejl ieħor ta’ protesti

Gruppi ta’ dimostranti fil-belt ta’ Minneapolis (f’Minnesota) taw in-nar lil għassa tal-pulizija matul it-tielet jum ta’ protesti dwar il-mewt ta’ raġel iswed li ma kienx armat u li seħħ ftit wara li hu kien spiċċa arrestat mill-uffiċjali tal-liġi. L-inċident jirrifletti r-rabja tan-nies għal numru ta’ każi li fihom l-Amerikani suwed spiċċaw maqtula taħt idejn il-pulizija. Dan meta Minneapolis, fl-aħħar jiem, inħakmet minn arja ta’ rewwixta u għadab kbir għall-membri tal-korp.

Ir-rabja ilha tbaqbaq mindu beda jiċċirkola filmat ta’ pulizija abjad qed jagħfas b’irkopptu fuq l-għonq ta’ raġel iswed, bl-isem ta’ George Floyd, li dak il-ħin kien miżmum mal-art. Floyd jinstama’ jgħid li ma setax jieħu n-nifs filwaqt li talab diversi drabi lill-pulizija biex ‘ma joqtlux’. Intant, ir-raġel miet ftit wara, bil-pulizija ssostni li l-vittma kien irreżistihom fiżikament meta huma wieġbu għal rapport li hu kien qed jipprova juża kwantità ta’ flus foloz.

Il-pulizija li żamm irkupptejh fuq l-għonq ta’ Floyd kien identifikat bħala Derek Chauvin u dan spiċċa mkeċċi mill-korp, flimkien ma’ tliet pulizija oħra li kienu involuti fl-arrest traġiku.

Is-Sindku ta’ Minneapolis Jacob Frey, intant, sejjaħ biex jitressaqu akkużi kriminali fil-konfront ta’ Chauvin, waqt li l-familja ta’ Floyd insistiet li l-erba’ pulizija implikati fil-mewta tar-raġel jiffaċċjaw akkużi ta’ omiċidju. Il-prosekuturi qalu, intant, li għadhom qed jiġbru l-provi relatati mal-każ.

Fl-aħħar ħinijiet, il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ikkundanna l-aġir tad-dimostranti f’Minnesota u qal li ‘huma kienu qed jiddiżonoraw il-memorja ta’ George Floyd.’ Trump, fl-istess ħin, hedded li jibgħat il-membri tal-Gwardja Nazzjonali biex  jirristawraw l-ordni filwaqt li sostna li l-inċidenti f’Minneapolis ‘kienu dovuti għal nuqqas ta’ tmexxija soda minn lat lokali’.

Qed isiru wkoll dimostrazzjonijiet kontra ‘il-brutalità tal-pulizija’ fi bliet Amerikani bħal New York, Los Angeles, Chicago, Denver, Phoenix u Memphis.

Dan meta d-dimostranti f’Minneapolis, fl-aħħar jiem, taw in-nar lil diversi bini fost mewġa ta’ serq mill-ħwienet.

L-hekk-imsejjaħ ‘epiċentru’ tal-inkwiet f’din il-belt hi z-zona tal-għassa tal-pulizija ( fit-3rd Precinct) li tinsab qrib is-sit fejn tilef ħajtu George Floyd.  Id-dimostranti li nġabru hemm fl-aħħar sigħat ikkonfrontaw lill-pulizija li sparawlhom il-gass tad-dmugħ u balal tal-gomma — sakemm in-nies litteralment ‘faqgħu’ il-linja tad-difiża madwar l-għassa u tawha n-nar, bil-pulizija jirtiraw.

Ir-rapporti qalu li l-għassa, qabel, kienet evakwata mill-pulizija ‘fl-interessi tas-sigurtà’, bl-awtoritajiet lokali jirreferu għal rapporti mhumiex ikkonfermati li ‘tqiegħed il-materjal splussiv fil-bini tal-għassa’.

Is-Sindku Frey qal li ‘l-irvellijiet huma inaċċettabbli’ iżda insista li ‘kulħadd jaf li hemm rabja u uġigħ ta’ qalb kbira f’Minnesota’.

Qabel ingħata n-nar lill-għassa, il-Gvernatur ta’ Minnesota, Tim Walz, kien qiegħed lit-truppi tal-Gwardja Nazzjonali tal-Istat fuq allert, skont it-talba tas-Sindki ta’ Minneapolis u l-belt ta’ St Paul, fil-viċinanzi. Walz qal li huma kienu qed jiffaċċjaw ‘emerġenza fi żmien ta’ paċi’ u li l-mewġa ta’ attakki u vandaliżmu mid-dimostranti rriżultat fi ħsara kbira għal ħafna negozji, inklużi stabbilimenti tal-komunitajiet ta’ minoranza f’Minnesota.