30 TA’ MEJJU 1993
Ir-rebħa ta’ 5-0 li Floriana kisbu kontra Sliema Wanderers hi l-akbar waħda fl-istorja tal-FA Trophy flimkien mar-rebħa ta’ Sliema kontra Hibernians fl-1951. Dan is-suċċess wassal biex Floriana laħqu lill-istess Sliema fir-rebħ ta’ din il-kompetizzjoni u fl-istess ħin kisbu l-ħames doppjetta fl-istorja tagħhom.
Il-Furjaniżi fetħu l-iskor appena żewġ minuti bi free-kick ta’ Mark Miller isib lil BRIAN CRAWLEY li daħal tajjeb biex għadda l-ballun minn taħt Ernest Barry. L-iskor sar 2-0 fil-25 minuta b’JESMOND DELIA jirċievi mingħand Kim Wright u b’daqqa ta’ ras qabbeż il-ballun fuq Barry.
Żewġ minuti wara wasal it-tielet gowl f’azzjoni ftit kontroversjali. BRIAN CRAWLEY ħarbat lil Jonathan Magri Overend u wara li kellu l-ewwel xutt salvat parzjalment minn Barry, il-ballun reġa’ spiċċa għandu u deher ikompli l-ballun għal ġewwa b’idu. L-assistent referee Micallef deher ixejjer il-bandiera, iżda r-referee Edgar Azzopardi kkonvalida l-gowl, bl-ebda plejer Slimiż ma jipprotesta.
Sa dak il-ħin il-partita kienet diġà mirbuħa iżda Floriana komplew ikabbru l-iskor fl-aħħar għaxar minuti. MARK MILLER għamilhom 4-0 fil-81 minuta meta qabeż lil Barry u xeħet f’lasta vojta, biex żewġ minuti wara, KIM WRIGHT skorja ġmiel ta’ gowl minn barra l-kaxxa. Wara l-logħba l-captain ta’ Floriana David Cluett irċieva t-trofew mingħand il-President tal-MFA Joe Mifsud.
//= $special ?>