30 TA’ MEJJU 1973
Il-kowċ Rumen Ștefan Kovács sellem lil Ajax bl-aħjar mod possibbli meta għenhom jiksbu t-tielet Tazza taċ-Champions b’mod konsekuttiv. Fil-finali li ntlagħbet f’Belgrad għelbu lil Juventus 1-0. Tul id-90 minuta, Ajax kienu teknikament, tattikament u fiżikament aħjar mill-avversarji. Huma kkonfermaw il-qawwa tagħhom bi stil Olandiż li saħħar lid-dilettanti tal-futbol f’dawk iż-żminijiet.
Għalkemm skorjaw il-gowl kmieni, Ajax rari ddefendew tant li Juventus ftit kienu ta’ inkwiet għad-difiża tat-tim Olandiż. Il-gowl li fired liż-żewġ timijiet wasal wara ħames minuti b’ħarba ta’ Piet Keizer li qabbeż lejn JOHNNY REP u b’daqqa ta’ ras għeleb lil Dino Zoff fir-rokna tax-xibka. Jekk kellu ftit tort għaliex inqabad ftit barra, Zoff salva tajjeb fit-12-il minuta fuq xutt ta’ Wim Suurbier. Il-gowlkiper Taljan reġa’ salva mal-art xutt ta’ Johan Neeskens fit-22 minuta.
Fit-tieni taqsima, Ajax komplew fuq l-offensiva u kważi rduppjaw fis-70 minuta, b’Zoff jimblokka tajjeb ix-xutt ta’ Rep, il-ballun spiċċa għand Keizer iżda t-tentattiv tiegħu għadda ftit bogħod mill-mimduda. Juventus għal ftit ma ġabux id-draw fl-74 minuta b’xutt tas-sostitut Antonello Cuccureddu li għadda ċentimetri bogħod mil-lasta l-wieqfa. Wara l-logħba, il-captain ta’ Ajax Johan Cruyff ġie ppreżentat bit-trofew mingħand il-President tal-UEFA ta’ dak iż-żmien Artemio Franchi.
//= $special ?>