Futbol Sport

49 SENA ILU: Joe Cini strumentali fir-rebħ tal-FA Trophy għal Hibernians f’replay kontra Sliema Wanderers

Il-captain ta' Hibernians Eddie Theobald merfugħ fuq l-ispallejn (Ritratt: The Times)

30 TA’ MEJJU 1971

Għat-tieni staġun konsekuttiv Hibernians rebħu l-FA Trophy din d-darba b’rebħa ta’ 2-0 kontra Sliema Wanderers f’replay wara d-draw ta’ 1-1 fl-ewwel logħba ta’ ftit jiem qabel. Din kienet l-ewwel darba għall-Pawlisti li rebħu finali ta’ din il-kompetizzjoni u mhux kontra Valletta. L-ewwel gowl ta’ Hibernians wasal tliet minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima. Ċikku Mifsud għadda lil Alfred Delia, b’tal-aħħar jitfa’ kross lejn Karmenu ‘Dunda’ Micallef li bir-ras kompla lejn il-veteran JOE CINI li għeleb lil Albert Pearson.

L-ewwel gowl ta’ Joe Cini (Ritratt: The Times)

Sliema li sa dak il-ħin kellhom l-aktar azzjonijiet perikolużi tat-taqsima, pruvaw biex isalvaw il-logħba u jibqgħu jittamaw li jiksbu d-doppjetta wara r-rebħ tal-kampjonat f’decider kontra Marsa. Fl-aħħar sforzi tagħhom, kienu Hibernians li għalqu l-logħba minuta mit-tmiem u reġa’ kien l-attakkant JOE CINI li b’azzjoni personali, qabeż plejer mal-linja, ġibed għan-nofs u b’xutt b’saħħtu rdoppja l-iskor. Wara l-logħba, il-President tal-MFA ta’ dak iż-żmien Giuseppe Mifsud Bonnici ppreżenta t-trfoew lill-captain ta’ Hibernians Eddie Theobald.