Jekk il-Gvern verament qed ifittex riforma siewja, għandu jżomm f’moħħu dawn il-proposti tajbin – irrispettivament min jagħmilhom, anke jekk huwa l-kompetitur elettorali – huwa sinjal ta’ maturità, mhux dgħjufija.
Il-proposti tal-PN huma aktar konformi mal-ispirtu tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja.
Kien dan il-messaġġ prinċipali fl-Editorjal ta’ Times of Malta b’reazzjoni għall-proposti li ħareġ il-Partit Nazzjonalista.
Fost il-proposti mfaħħra mill-editorjal kien hemm s-sejħa tal-PN biex membri parlamentari jkun projbiti milli jkunu involuti f’entitajiet tal-istat bħala diretturi jew konsulenti, jew membri f’bordijiet.
L-editorjal saħaq li l-PN, fl-aħħar proposti tiegħu, għadu qed jitlob li ħatriet ewlenin, kif ukoll dik tal-kummissarju tal-pulizija, isiru b’maġġoranza parlamentari ta’ żewġ terzi.
Fost ħafna aktar proposti konkreti, l-editorjal tat-Times semma l-proposta tal-PN li l-membri parlamentari jingħataw għażla li jmorru full-time jew jibqgħu part-time.
Il-proposta tal-PN dwar strument ġuridiku li jippermetti lil kull ċittadin biex jiddenunzja quddiem imħallef fatti relatati mal-ordni pubblika kienet meqjusa bħala waħda progressiva. Hekk ukoll kienet imfaħħra l-proposta biex ikunu sospiżi ħafna mill-poteri tal-gvern ladarba l-parlament jinħall għall-elezzjoni. L-editorjal qal li din il-proposta, jekk tiġi implimentata, issalva lill-pajjiż.
Il-PN ippropona wkoll kummissarju għall-kontra l-korruzzjoni. Din il-proposta ntlagħqet tajjeb għall-fatt li l-korruzzjoni politika mhix qed tiġi investigata. U pajjiżna mhux se jkun jista’ jagħmel il-qabża li jmiss fl-iżvilupp u l-livell tal-għajxien tiegħu sakemm il-korruzzjoni evidenti tibqa’ tiġi mitfgħuha taħt it-tapit.
