Ambjent Lokali

FILMAT: Fekruna tbid fil-bajja tar-Ramla l-Ħamra

L-ewwel darba li fekruna nqabdet tbid f’Għawdex wara 70 sena

Wara 70 sena, il-gżira Għawdxija esperjenzat avveniment uniku, hekk kif fekruna biedet numru ta’ bajd fil-bajja tar-Ramla l-Ħamra.

Nature Trust spjegat li l-fekruna mxiet fuq ir-ramel għall-ħabta tal-10pm tal-Ġimgħa, u telqet għall-ħabta tal-11.30pm.

Nature Trust qalu li numru ta’ persuni li kienu fil-bajja ntebħu b’dan l-avveniment u mill-ewwel infurmawhom. F’qasir żmien voluntiera tal-għaqda marru sabiex isegwu l-proċess u jipproteġu lill-fekruna u l-bejta tagħha.

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (l-ERA) ġiet infurmata b’dak li ġara u issa huwa f’idejn din l-awtorità sabiex tħares il-bejta li ħalliet il-fekruna f’din il-bajja tant popolari.

L-aħħar drabi li fkieren biedu f’Malta kien fl-2012, fl-2014 u fl-2018. Fil-każ tal-fkieren tal-2018, irnexxielhom ifaqqsu 111-il bajda minn 112.

Nature Trust kitbet li sfida għall-protezzjoni tal-bajd u tal-fkieren ċkejknin ladarba jfaqqsu l-bajd huwa l-granċ. Għalhekk, il-voluntiera ta’ Nature Trust se jsegwu l-proċess, sabiex jiżguraw li hekk kif il-bajd ifaqqas, il-maġġoranza tal-fkieren imorru lura fil-baħar.

Il-bajd li biedet il-fekruna huma mistennija jfaqqsu bejn nofs u l-aħħar ta’ Lulju u infatti l-istess organizzazzjoni appellat biex dawk kollha li jixtiequ jgħinu fis-sorveljanza taz-zona jistgħu jibagħtu email fuq turtle.ramla@gmail.com.