Internazzjonali

Ġuvni ta’ 19 maqtul f’Detroit hekk kif il-protesti fl-Istati Uniti jkomplu jeskalaw

F’Detroit, ġuvni ta’ 19-il sena nqatel b’tiri ta’ arma tan-nar li ġew sparati fuq folla ta’ dimostranti. Jidher li t-tiri ġew sparati minn vettura li saqet qrib id-dimostranti u ħarbet ftit wara.

Iż-żagħżugħ kien fost dawk li nġabru  biex jipprotestaw kontra l-qtil ta’ George Floyd, raġel iswed li nqatel minn uffiċjal tal-Pulizija f’Minneapolis, Minnesota.

Fost il-protesti li qed jinfirxu f’bosta stati Amerikani, dan iż-żagħzugħ inqatel waqt li dimostranti  baqgħu jipprotestaw tul il-lejl li għadda.

Għexieren ta’ eluf ta’ persuni niżlu fit-toroq Amerikani, bl-Armata u l-Pulizija Militari jinsabu mpenjati ferm jippruvaw jikkalmaw il-folol.

L-inċident tal-qtil ta’ George Floyd qanqal mhux biss ħafna rabja fost il-komunitajiet Afro-Amerikani, imma qed ikompli joħloq kontroversji wara li lbieraħ, crew tal-aħbarijiet tas-CNN ġie arrestat mill-Pulizija huma u jirraportaw il-protesti. Skont uffiċjali tal-Pulizija huma arrestaw lill-crew tal-istazzjon Amerikan għaliex ma żammewx mal-parameteri indikati lilhom mill-Pulizija.

Il-qtil ta’ Floyd seħħ wara li nżamm mill-Pulizija fuq użu ta’ flus foloz f’ħanut ftit tal-ħin qabel l-arrest. Derek Chauvin, wieħed mill-uffiċjali tal-Pulizija li kienu involuti fl-arrest, żamm lil Floyd maqbud mal-art billi għafas irkobtu fuq għonq ir-raġel għal xejn anqas minn tmien minuti. Ir-raġel intilef minn sensih, madankollu Chauvin baqa’ jagħfas fuq għonqu, biex Floyd spiċċa tilef ħajtu.

Chauvin issa jinsab akkużat bi qtil volontarju.

Dan l-inċident qanqal ħafna rabja anke fost personalitajiet kbar, fosthom Beyonce, Kim  Kardashian u Cardi B, filwaqt li l-eks President Amerikan Barack Obama sejjaħ għal ‘normalità ġdida’ fil-mod kif taħdem il-Pulizija fl-Istati Uniti.