Formula 1 Sport

Il-Gvern Awstrijak japprova li jsiru l-ewwel żewġ tlielaq tal-Formula 1

(Ritratt: EPA)

Tasal konferma oħra li l-istaġun tal-Formula 1 se jibda b’żewġ tlielaq fl-Awstrija fil-5 u t-12 ta’ Lulju. Il-Gvern Awstrijak permezz tal-Ministru tas-Saħħa ta l-approvazzjoni tiegħu għaż-żewġ tlielaq biex isiru mingħajr spettaturi.

It-tlielaq se jsiru fir-Red Bull Ring, ċirkwit li jinsab fil-villaġġ ta’ Spielberg, madwar 200 kilometru bogħod mill-kapitali Vjenna. B’hekk jidher li l-ħsieb tal-Formula 1 li jibdew l-istaġun f’dan il-pajjiż jidher li seħħ, L-Awstrija hu wieħed mill-pajjiżi li qed inaqqsu r-restrizzjonijiet hekk kif l-imxija tal-coronavirus qed tnaqqas.

L-għaxar timijiet tal-Formula 1 se jkunu llimitati għal massimu ta’ 80 persuna fit-tlielaq. L-organizzaturi tal-Grand Prix tal-Awstrija ppreżentaw miżuri fid-dettall bħala mezz ta’ sigurtà kontra l-infezzjoni. Fost il-miżuri hemm testijiet regolari għat-timijiet u l-ħaddiema tagħhom kif ukoll regoli stretti dwar l-iġjene.