Illum wara nofsinhar, il-Gvern ippubblika l-inkjesta li tlestiet mill-Maġistrat Joe Mifsud dwar akkużi li saru rigward it-traġedja tal-immigranti ‘il barra minn Malta f’April li għadda, propju fil-weekend tal-Għid.
Ir-rapport tal-inkjesta hu twil 419 paġna.
Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Maġistrat jgħid illi ma nstabux provi li kien hemm xi nuqqas minn naħa tal-AFM u l-Prim Ministru. Għalkemm jeżiġi li l-Pulizija tissokta bl-investigazzjonijiet dwar din it-traġedja.
Fir-rapport jissemma’ li l-allegazzjonijiet li saru ma kienux sostnuti bi provi. Iżda l-Maġistrat jinsisti li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu jkompli l-istħarriġ dwar dan il-każ, anke b’koperazzjoni mal-forzi tal-ordni barranin, fil-konfront tal-persuni responsabbli mit-telf tal-ħajjiet.
Jeżiġi ukoll li jiġi investigat “persuna” li ismu ma jissemmiex, u li l-kuntatt tagħha instab fuq wieħed mill-mobiles tal-immigranti.
Rapporti fil-media internazzjonali kienu indikaw li xi ħadd kien tela’ fuq d-dinghy tal-immigranti, u qatgħalhom il-cable tal-magna. Dan allegatament wassal sabiex 12-il persuna mietu bil-għatx, jew eżawriti jew mgħarrqa.
Iżda mill-inkjesta jirriżulta li il-qtugħ tal-cable – kill switch – hija xi ħaġa proċedurali, dejjem skont ix-xiehda, biex is-salvataġġ tal-immigranti jkun jista’ jsir.

Wieħed irid jirrimarka li bħala parti minn din l-inkjesta, il-Maġistrat sema’ x-xiehda ta’ diversi immigranti u persuni oħra, fosthom il-Mibgħut Speċjali tal-Gvern Neville Gafà.
Fir-rapport tiegħu, il-Maġistrat Joe Mifsud ifakkar li bħala pajjiż għandna nibqgħu inħaddnu l-valur tal-ħajja u li nsalvaw il-ħajjiet. Jgħid ukoll li l-armata tagħmel sforzi kbar bil-ħidma tagħha fuq il-baħar.
Din l-inkjesta kienet infetħet wara li saret denunzja mill-għaqda ‘Repubblika’.
Joe Mifsud irrimarka wkoll li għandu jkun hemm ftehim, bi protokolli ċari, dwar kif immigranti salvati jkunu rilokati f’pajjiżi varji, mhux biss tal-Unjoni Ewropea imma anke pajjiżi oħrajn.
Stqarrija minn Repubblika
Intant fi stqarrija, l-għaqda Repubblika qalet illi wettqet dmirha meta talbet lill-istituzzjonijiet biex jieħdu passi u jinvestigaw.
L-istqarrija tfakkar li denunzja m’hix allegazzjoni ta’ ħtija, iżda biss talba biex issir investigazzjoni. Huma qalu li inkjesta maġisterjali mhix proċess ġudizzjarju – la tista’ ssib ‘il xi ħadd ħati u lanqas innoċenti. Xogħol l-inkjesta hu li tfittex u tiġbor il-provi.
//= $special ?>