Allegazzjonijiet serji dwar falsifikazzjoni ta’ dokumenti uffiċjali u li żamm għalih flus ħaddieħor.
Dawn huma biss tnejn mir-reati li skont is-sit elettroniku The Shift News nstab ħati taghhom il-magħżul tal-eks Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi, Lionel Gerada – il-persuna li jimmaniġġja baġit ta’ miljuni ta’ ewro bħala Kap tal-avvenimenti fl-MTA. Dan minkejja r-reati li nstab ħati taghhom fil-Qorti.
Minkejja l-passat ta’ Gerada, li hu canvasser tal-Partit Laburista, Konrad Mizzi xorta taħ din il-kariga għolja fl-awtorità tat-turiżmu.
Iżda mhux biss. L-istess sit elettroniku jgħid illi Mizzi afdalu f’idejh miljuni minn flus it-taxxi tal-Maltin u l-Għawdxin li hu nefaq u uża kif ried. U allura, l-aħbar li n-nefqa ta’ din l-awtorità splodiet ma tiġix b’sorpiża.
Is-sit The Shift News żvela li fl-ewwel sena ta’ Gerada fil-kariga, il-baġit tal-avvenimenti tal-MTA sploda minn €2 miljuni għal €6 miljuni – aktar minn terz tal-flus marru għand l-istess persuna li jopera taħt kumpaniji differenti. Meta kien ippressat biex jiddikjara kif ġew magħżula ċerti organizzaturi tal-avvenimenti u liema proċessi intużaw, Gerada ma tax ħafna dettalji.
Lionel Gerada kien ammetta fil-qorti li uża fondi fdati lilu minn kumpanija b’mod illegali fejn anke uża ismijiet foloz. Ftit snin wara, fl-2007, Gerada kellu l-liċenzja tas-sewqan sospiża għal sena u nstab ħati li ffalsifika dokumenti uffiċjali, fost reati kriminali oħra, meta nqabad isuq mutur mingħajr liċenzja u assigurazzjoni u bi pjanċi foloz.
Ftit wara li l-Labour ħa l-poter fl-2013, Gerada kien impjegat minn Konrad Mizzi bħala person of trust, minkejja l-akkużi li affaċċja u l-ammissjoni fil-qorti ftit tas-snin qabel.
The Shift jispjega illi fl-2015, Gerada kien ordnat iħallas €2,795 lil negozzjant tal-karozzi wara li naqas milli jħallas dak dovut għal xiri ta’ mutur. U fl-2017, il-canvasser ta’ Konrad Mizzi kien ordnat mill-Qorti jħallas €3,300 għal servizzi ta’ perit li hu naqas milli jħallas.
U minkejja dan kollu l-Ministru tat-Turiżmu fil-preżent, Julia Farrugia Portelli, għadha ma ħadet l-ebda azzjoni anke wara li dan l-istazzjon kien affacja lill-Ministru b’isem Lionel Gerada lura f’Jannar li għadda.
//= $special ?>