Coronavirus Lokali

Malta Air tkeċċi 60 persuna

Madwar 60 membru tal-ekwipaġġ tal-linja tal-ajru Malta Air, kumpanija sussidjarja ta’ Ryanair, tard il-Ġimgħa filgħaxija rċevew ittra li b’effett mit-30 ta’ Ġunju li ġej se jispiċċaw bla xogħol kawża tal-effetti tal-coronavirus. B’kollox Malta Air tħaddem madwar 180 ħaddiem.

F’ittra mibgħuta lill-istaff, il-linja tal-ajru qalet li sabiex tipprova tirkupra mill-kriżi tal-COVID, hemm bżonn li jsiru numru ta’ sensji.

L-Erbgħa li għadda Malta Air bagħtet ittra lill-membri tal-ekwipaġġ li fiha għarfithom li jekk fi żmien 48 siegħa ma jaċċettawx tnaqqis fil-paga ta’ 10% għal ħames snin, uħud minnhom, li bażikament ġew impjegati l-aħħar, kienu se jitilfu l-impjieg tagħhom.

Diversi ħaddiema qalu li huma jifhmu s-sitwazzjoni preżenti u kienu lesti jaċċettaw tnaqqis fil-paga iżda mhux għal ħames snin kif imponiet il-kumpanija mingħajr ma saru ebda konsultazzjoni jew taħditiet.