Lokali

Mill-1 ta’ Ġunju ser ikomplu l-eżamijiet tal-liċenzji tas-sewqan

Minn nhar it-Tnejn li ġej ser ikomplu l-eżamijiet għal-liċenzji tas-sewqan, kemm tal-pratika u kif ukoll tat-teorija tas-sewqan.

L-eżamijiet kienu twaqqfu lura f’Marzu minħabba l-imxija tal-COVID-19 u issa ser ikomplu b’għadd ta’ prekawzjonijiet ġodda. L-eżamijiet se jkomplu fil-kategoriji kollha, l-A tal-muturi, B, tal-karozzi, C u D għall-vetturi kummerċjali, kif ukoll għaċ-ċertifikat ta’ kompetenza professjonali.

Fost il-proċeduri l-ġodda, ser ikun hemm l-istudent jew studenta biss flimkien mal-eżaminatur fil-vettura;

  • L-għalliema mhux se jirkbu magħhom. It-twieqi jridu jinżammu miftuħa u l-eżaminaturi ser jilbsu visor.
  • L-istudenti wkoll iridu jilbsu jew visor jew maskra. Il-vetturi ser ikunu disinfettati qabel kull eżami.
  • Fil-każ tal-muturi, mhux se jintużaw r-radjijiet għaldaqstant, għal kuntrarju ta’ kif kien isir qabel, ir-rotta ser tkun stabilita minn qabel. 

Uffiċjali ta’ Transport Malta ser jieħdu t-temperatura tal-kandidati jew tal-għalliema u jirrifjutaw l-eżami lil dawk li juru xi sintomi.

L-għalliema vulnerabbli, minħabba saħħithom jew is-saħħa ta’ familjari jistgħu jitolbu l-posponiment tal-eżamijiet.