Coronavirus Ekonomija Kummerċ Lokali Saħħa

“Pajjiż b’saħħtu…ekonomija b’saħħitha” – Adrian Delia

“Jekk pajjiżna jkollu poplu b’saħħtu, l-ekonomija tkun b’saħħitha.” Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista li saritlu minn Fr Joe Borg fuq l-istazzjoni tar-radju 103.

Huwa qal li jekk il-pajjiz jinvesti fis-saħħa, allura dan jippermetti li l-istat ekonomiku jkun b’saħħtu għax kulħadd ikun qed jieħu l-kura li jkollu bżonn. Adrian delia għamel referenza għall-kuntratt mal-Vitals u Steward, li tħallsu l-miljuni minn flus il-poplu fejn il-poplu spiċċa ma ħa xejn lura.

Adrian Delia qali li għandna Gvern li qed jibqa’ jinsisti li jipproteġi lill-ftit… lin-nies tal-qalba. Fiċ-ċentru tal-politika tal-PN hemm il-bniedem, il-valuri… bil-maqlub, il-Gvern Laburista qed jisserva hu mill-politika. Tant li l-Gvern ta’ Robert Abela għażel li ma jkeċċix kemm lil Konrad Mizzi kif ukoll lil Joseph Muscat, filwaqt li ma nibdel xejn fir-rigward tal-għola istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.

Adrian Delia qal li mill-Oppożizzjoni qed juri x’inhuma l-proposti tal-PN f’diversi oqsma fosthom l-ambjent. Pajjiżna jista’ joffri enerġija alternattiva, fejn ikollna pajjiż li ambjentalment jista’ jerġa’ jieħu r-ruħ. Pajjiżna huwa l-iktar pajjiż li jniġġes fl-Ewropa fejn f’sena waħda jmutu madwar 600 persuna minħabba t-tniġġis tal-arja.

Il-Kap tal-PN wera apprezzament għall-ħidma tal-Awtoritajiet tas-Saħħa u għas-sagrifiċċju kbir li għamlu l-professjonijet fis-settur tas-saħħa matul din il-pandemija kif ukoll irringrazzja lill-pubbliku inġenerali li obda d-direttivi li ngħataw.

Adrian Delia saħaq li kien hemm mumenti fejn dawk li kienu d-direzzjonijiet tal-Awtoritajiet tas-Saħħa ma kinux qed isibu r-riflessjoniet ta’ dak li kien qed jgħid il-Prim Ministru innifsu, fosthom nuqqas ta’ qbil fuq it-tieni mewġa tal-coronavirus, kif ukoll fuq ċerti miżuri.

Il-Kap tal-PN saħaq li issa huwa ż-żmien li rridu nħarsu ‘l quddiem lejn pjan strateġika għal wara li tgħaddi din il-pandemija, li jinbena fuq konverġenza nazjonali.

Adrian Delia insistna li l-effetti negattivi fuq l-ekonomija Maltija minħabba l-COVID se jibdew jinħassu iktar fil-ġimgħat li ġejjin. Dan meta tqis li f’Malta, it-turiżmu jikontribwixxi għal 25% tal-prodott gross domestiku. Għalhekk, Adrian Delia qal li rridu noqogħdu attenti li ma jkunx hemm iktar min iweġġa’ mill-parti ekonomika milli mis-saħħa.

Fir-rigward tal-kwistjoni tal-Immigrazzjoni, Adrian Delia qal li Robert Abela qed jipprova jilgħab karta politika bil-ħajjiet tan-nies. Il-ħajja hija ħajja dejjem lil hinn mill-ġeneru, razza… għalhekk f’kull ċirkustanza, iridu jissalvaw l-ħajjiet.