Coronavirus Ekonomija Lokali Saħħa

“Qatt m’aħna se nbiegħu l-valuri u l-prinċipji li jsawruna” – Adrian Delia

PN li qed jiġġedded u b’messaġġ b’saħħtu qrib tan-nies

“Robert Abela jrid jagħti x’jifhem li hemm l-ekonomija fuq naħa u s-saħħa fuq in-naħa l-oħra, iżda jista’ jkollna ekonomija b’saħħitha biss jekk ikollna poplu b’saħħtu.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien intervistat mill-ġurnalist tal-Illum Albert Gauci Cunningham fuq NET Television.

Huwa qal li l-Oppożizzjoni minn dejjem kienet ċara li se timxi u ssegwi d-direttivi mogħtija mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, għax is-Supretendent Charmaine Gauci mhix tal-Gvern imma tal-poplu u fi stat ta’ emerġenza dak li tiddeċiedi hi huwa liġi. Filwaqt li l-pożizzjoni tal-PN hija waħda ċara li dak li jgħidu l-Awtoritajiet tas-Saħħa nsegwuh, il-Gvern jrid jagħti l-eżempju wkoll u mhux Chris Fearne u Charmaine Gauci jgħidu mod u Robert Abela jgħid bil-kontra tagħhom. Adrian Delia qal li meta l-miżuri qegħdin jitnaqqsu, rridu nfehmu, nedukaw u nkunu kawti għaliex huwa għaqli li nibqgħu nsegwu d-direttivi tas-saħħa, u dan għall-ġid tal-familji.

Adrian Delia qal li rridu naraw f’liema setturi rridu ninvestu u noħolqu opportunitajiet ġodda għal wara l-pandemija tal-COVID-19 u filwaqt li Robert Abela jgħidilna biex immorru nonfqu ħalli ndawwru l-ekonomija meta hawn eluf ta’ ħaddiema li tilfu xogħolhom, il-PN irid investimenti fi pjattaformi diġitali, r-riċerka u l-innovazzjoni u l-ħolqien ta’ setturi moderni fejn nistgħu neċċellaw, tisħiħ tal-edukazzjoni, ambjent iżjed nadif, enerġija alternattiva fejn insiru l-ewwel pajjiż carbon neutral u infrastruttura iżjed b’saħħitha, filwaqt li noħolqu iżjed postijiet tax-xogħol.

Il-Kap tal-PN qal li l-Partit Nazzjonalista qatt mhu se jinxtara bil-flus, b’xi favuri jew rikatti għaliex il-valuri li jsawwruh m’humiex għall-bejgħ. Adrian Delia ta garanzija li l-PN dejjem mexa b’mod rigoruż mal-liġi tal-finanzjament tal-partiti u li l-accounts huma awditjati, dokumentati u ppubblikati.

Mistoqsi dwar ir-riforma Kostituzzjonali, Adrian Delia qal li l-PN ppubblika l-proposti tiegħu, fejn irid li jingħataw iżjed poteri lill-President u li jiġi elett biż-żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti biex ma jibqax ikkontrollat mill-Prim Ministru. Huwa qal li l-Gvern ħataf l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna u bir-riforma fil-Kostituzzjoni, l-PN irid li qatt iktar l-istituzzjonijiet tagħna jerġgħu jinħatfu mill-Gvern u fejn iċ-ċittadini ma jibqax iħossu żgħir quddiem il-politiċi. Dr Delia spjega li apparti r-riformi importanti tal-Kostituzzjoni wara r-rapport tal-Kummissjoni Venezja, pajjiżna għandu quddiemu wkoll l-eżami importanti tal-Moneyval fejn il-Gvern mhux qed jgħid x’qed isir biex ma nispiċċaw infallu dan l-eżami b’detriment kbir għall-investimenti u l-postijiet tax-xogħol, u dan meta baqgħu qatt ma ttieħdu passi fil-konfront ta’ Konrad Mizzi, Karl Cini u Nexia BT.

Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni trid li kull kuntratt li ġie ffirmat minn Konrad Mizzi jiġi investigat minnufih, jrodd lura l-flus li seraq mill-but tal-familji u l-ħaddiema Maltin u Għawdxin u li ssir il-ġustizzja. Huwa qal li Konrad Mizzi flimkien ma’ sħabu żeblaħ isem pajjizna u fost l-oħrajn seraqna fit-tliet sptarijiet, ippermetta t-tixħim fl-enerġija, impega persuni b’kondotta kriminali fl-MTA u ta €4.5 miljuni lil VistaJet u pajjiżna ma ħa xejn lura, għalhekk trid issir il-ġustizzja.