L-esperjenza ta’ Mauro Icardi ma’ Paris-Saint Germain se tkompli hekk kif iċ-champions Franċiżi laħqu ftehim biex jakkwistawh b’mod permanenti mingħand Inter. Huma laħqu ftehim għal €50 miljun flimkien ma’ bejn €7 u €8 miljuni bonus, bl-Arġentin mistenni jiffirma kuntratt sal-2024.
Is-sajf li għadda, Icardi ngħaqad ma’ PSG wara li l-kowċ il-ġdid ta’ Inter Antonio Conte nfurmah li ma kienx fil-pjanijiet tiegħu. Hu ngħaqad mat-tim ta’ Thomas Tuchel fl-aħħar sigħat tas-suq tat-trasferimenti u kellhom sal-aħħar ta’ Mejju biex jilħqu ftehim. Huma rnexxielhom ukoll jingħataw skont hekk kif it-talba ta’ Inter mal-ftehim tas-sajf li għadda kien ta’ €70 miljun.
Fl-ewwel staġun tiegħu fi Franza, Icardi skorja 20 gowl f’31 logħba fil-kompetizzjonijiet kollha. Bil-Covid-19 iwaqqaf il-Ligue 1, ġie deċiż li PSG jingħataw it-titlu. Iżda l-istaġun ta’ Icardi xorta għadu ma ntemmx hekk kif jinsabu mal-aħħar tmienja taċ-Champions League filwaqt li għadhom iridu jintlagħbu l-Coupe de France u l-Coupe de la Ligue.
Icardi ngħaqad ma’ Inter fl-2013 u stabbilixxa ruħu bħala wieħed mill-aktar attakkanti letali fil-kaxxa. F’sitt staġuni, skorja 124 gowl f’219-il logħba biex tela’ fit-tmien post fil-klassifika tal-aqwa skorers tal-klabb u kien captain ukoll. It-trasferiment ta’ Icardi se jfisser l-aktar trasferiment li sewa flus biex ħalla l-klabb.
//= $special ?>