Sport

Roger Federer l-iktar atleta mħallas fid-dinja skont Forbes

(Ritratt: EPA)

Doppjetta fit-tennis skont il-lista annwali tal-kumpanija Forbes hekk kif wara Naomi Osaka, Roger Federer hu l-aktar atleta mħallas fid-dinja għas-sena 2020. Il-pandemija tal-Covid-19 kienet determinanti biex Lionel Messi ma spiċċax fl-ewwel post.

L-Iżvizzeru rebbieħ ta’ 20 Grand Slam fil-karriera, irċieva €95.7 miljun fl-aħħar 12-il xahar biex qabeż erba’ postijiet u sar l-ewwel atleta mill-isport tiegħu li tela’ fil-quċċata. Il-plejers tal-futbol Cristiano Ronaldo b’€94.8 miljun, Lionel Messi b’€93.9 miljun, Neymar b’€86.2 miljun u l-plejer tal-basketball LeBron James b’€79.6 miljun komplew l-ewwel ħamsa.

Il-ġimgħa l-oħra ħarġet l-aħbar li t-tennista Naomi Osaka qabżet lil Serena Williams biex għall-ewwel darba saret l-aktar mara mħallsa. Iż-żewġ tennisti kienu l-uniċi nisa fil-lista. Total ta’ 35 plejer tal-basketball jinsabu mal-aqwa 100 fil-lista, bil-futbol Amerikan għandhom 31 plejer fil-lista, fosthom is-sitt darbiet rebbieħ tas-Super Bowl Tom Brady li jinsab fil-25 post.