Futbol Sport

Xalata minn Bayern Munich kontra Fortuna Düsseldorf

(Ritratt: EPA)

Iċ-champions Bayern Munich komplew jersqu lejn ir-rebħ tat-tmien kampjonat konsekuttiv. Fl-Allianz Arena ġabu fix-xejn lil Fortuna Düsseldorf b’rebħa ta’ 5-0. Awto-gowl ta’ Mathias Joergensen poġġa lil Bayern Munich fil-vantaġġ wara kwarta. BENJAMIN PAVARD irdoppja l-iskor fid-29 minuta b’daqqa ta’ ras minn korner u ROBERT LEWANDOWSKI għamilhom tlieta fit-43 minuta meta kkonkluda fix-xibka azzjoni mill-isbaħ. It-tim ta’ Hansi Flick kompla fejn ħalla u skorja r-raba’ gowl fil-50 minuta meta l-aqwa skorer tal-kampjonat ROBERT LEWANDOWSKI kompla għal ġewwa wara kross ta’ Serge Gnabry. ALPHONSO DAVIES niżżel ukoll ismu fost l-iskorers żewġ minuti wara b’azzjoni personali mill-isbaħ.

Werder Bremen kisbu tliet punti fondamentali fit-taqtigħa li jżommu posthom fil-Bundesliga b’rebħa ta’ 1-0 fil-Veltins-Arena kontra Schalke. Il-gowl rebbieħ wasal fit-32 minuta bi ġmiel ta’ xutt minn LEONARDO BITTENCOURT minn barra l-kaxxa.

Eintracht Frankfurt irritornaw għar-rebħa wara li għelbu lil Wolfsburg 2-1 fil-Wolkswagen Arena. ANDRE SILVA poġġa lit-tim ta’ Adolf Hütter fil-vantaġġ wara 27 minuta minn penalty. KEVIN MBABU ġab id-draw fit-58 minuta b’daqqa ta’ ras iżda DAICHI KAMADA skorja l-gowl tar-rebħa fil-85 minuta b’konklużjoni minn qagħda ideali.

Hoffenheim kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva. Huma għelbu barra minn darhom lil Mainz 1-0 bil-gowl rebbieħ jasal fit-43 minuta b’xutt fil-baxx ta’ IHLAS BEBOU. Fis-27 minuta, Steven Zuber kien falla penalty għal Hoffenheim.

Hertha Berlin għelbu lil Augsburg 2-0 b’gowl f’kull taqsima. JAVAIRO DILROSUN fetaħ l-iskor fit-23 minuta u KRZYSZTOF PIATEK skorja t-tieni gowl konsekuttiv billi għalaq il-logħba fit-92 minuta.

Bundesliga

Ilbieraħ: Freiburg v Bayer Leverkusen 0-1

Illum: Hertha Berlin v Augsburg 2-0, Mainz v Hoffenheim 0-1, Schalke v Werder Bremen 0-1, Wolfsburg v Eintracht Frankfurt 1-2, Bayern Munich v Fortuna Düsseldorf 5-0

Il-Ħadd: Borussia Mönchengladbach v Union Berlin 3.30pm, Paderborn v Borussia Dortmund 6.00pm