Futbol Sport

18-IL SENA ILU: Iċ-champions tad-dinja Franza maħsuda mis-Senegal fl-ewwel logħba tat-Tazza tad-Dinja tal-2002

31 TA’ MEJJU 2002

Eżattament 18-il sena seħħet waħda mill-akbar sorpriżi fl-istorja tat-Tazza tad-Dinja meta Franza, dak iż-żmien Champions tad-Dinja, sfaw megħluba mis-Senegal fl-ewwel dehra tagħhom fil-fażi finali. It-tim Franċiż kien qed jipprova jsir l-ewwel tim f’40 sena li jiddefendi t-titlu u għall-ewwel logħba kienu mingħajr l-istilla Zinedine Zidane. Din is-sorpriża hi simili bħal meta fl-edizzjoni tal-1990, il-Kamerun kienet rebħet 1-0 kontra l-Arġentina,.

Il-gowl deċiżiv wasal wara 30 minuta b’azzjoni fuq ix-xellug ta’ El Hadji Diouf li avvanza u tefa’ kross fil-baxx. Emmanuel Petit prova jtajjar il-ballun f’korner iżda l-ballun ħabat mal-gowlkiper Fabien Barthez li kien fl-art u spiċċa fid-direzzjoni ta’ PAPA BOUBA DIOP li minn mal-art xeħet fix-xibka mill-viċin.

Il-Franċiżi pruvaw minn kollox biex jevitaw it-telfa, b’Thierry Henry ikun sfortunat li laqat il-lasta darba f’kull taqsima. It-tim Afrikan ukoll laqat il-lasta permezz ta’ Khalilou Fadiga. Malli semgħu bir-riżultat f’pajjiżhom, it-tfal mill-iskejjel ħarġu fit-toroq tal-kapitali Senegaliża Dakar biex jifirħu.