Futbol Sport

39 SENA ILU: Floriana jirbħu l-aħħar FA Trophy milgħuba fl-Istadium tal-Gżira

(Ritratt: Il-Ħajja)

31 TA’ MEJJU 1981

Floriana temmew nixfa ta’ erba’ staġuni mingħajr ma jirbħu l-kampjonat jew l-FA Trophy hekk kif fil-finali tal-FA Trophy għelbu lil Senglea Athletic 2-1. Inċidentalment din kienet l-aħħar darba li finali ta’ din il-kompetizzjoni ntrebħet fl-istadium tal-Gżira.

F’rapport ta’ In- …. Tagħna l-għada tal-logħba ntqal li l-esperjenza tal-Furjaniżi kienet determinanti, bl-esperjenza ta’ plejers bħal John Holland u Ray Xuereb tispikka. Senglea kienu r-rivelazzjoni tal-kompetizzjoni hekk kif waslu sal-finali għall-ewwel darba wara li kienu għelbu lil Ħamrun Spartans fis-semifinali.

Ray Xuereb (Ritratt: Il-Ħajja)

Floriana fetħu l-iskor wara 16-il minuta b’daqqa ta’ ras ta’ RAY XUEREB wara korner ta’ Tony Borg. Senglea ġabu d-draw fit-53 minuta meta John Camilleri seraq ballun mingħand Brian Galea u qassam lejn Ray Mizzi li b’xutt djagonali fil-baxx għeleb lil Gino Gauci, b’GODWIN CASSAR jaċċerta l-gowl mill-viċin.

Wara li mas-siegħa logħob J.J. Aquilina falla bi ftit, Floriana laqtu l-lasta fil-71 minuta meta minn kross ta’ Borg, Ray Xuereb laqat il-mimduda b’daqqa ta’ ras. Iżda l-gowl tar-rebħa għat-tim Furjaniż wasal fis-77 minuta. Xuereb bit-takkuna għadda lejn Joe Agius li bena azzjoni u b’xutt imkaxkar ħasad lil Raymond Camilleri. Wara l-logħba, il-President tal-MFA ta’ dak iż-żmien Giuseppe Mifsud Bonnici ppreżenta t-trofew lill-captain ta’ Floriana John Holland.