Futbol Sport

50 SENA ILU: Hibernians jegħlbu lil Valletta wara l-ħin barrani fir-replay tal-finali tal-FA Trophy

31 TA’ MEJJU 1970

Gowl fil-ħin barrani rebbaħ l-FA Trophy lil Hibernians għat-tieni darba fl-istorja tagħhom. F’replay tal-finali milgħuba erbat ijiem qabel, kien gowl ta’ Eddie Theobald li wassal ukoll biex Hibernians ikkwalifikaw biex jilagħbu fit-Tazza tat-Tazzi. Il-logħba kontra Valletta kienet reġgħet ġiet milgħuba quddiem folla sabiħa għalkemm dawk li attendew sabu l-prezzijiet aktar għoljin mis-soltu, bl-MFA jidher li ma kienet tat l-ebda ordni biex isir dan.

(Ritratt: The Times)

Kienu Valletta li marru fil-vantaġġ wara kwarta b’gowl li ħasad lil ħafna. Freddie Mallia għażel li jqabbeż il-ballun lejn il-gowlkiper sieħbu Freddie Mizzi iżda l-ballun qabżu u spiċċa fix-xibka. Reazzjoni immedjata minn Hibernians li ġabu d-draw fis-26 minuta. Ċikku Mifsud qassam lejn KARMENU MICALLEF li qabeż lil Pace u ma falliex milli jegħleb lil Ċensu Borg Bonaci.

(Ritratt: The Times)

Fit-tieni taqsima, Valletta kienu aktar perikolużi madankollu kienu Hibernians li kellhom imorru fil-vantaġġ b’daqqa ta’ ras ta’ Freddie Delia li laqtet il-mimduda. Il-logħba kompliet fil-ħin barrani, biż-żewġ naħat aktar dehru moħħhom biex ma jsofrux il-gowl. Kien fil-115-il minuta li Hibernians skorjaw il-gowl tar-rebħa. Ix-xutt ta’ Mifsud għeleb lil Borg Bonaci iżda ġie mwaqqaf minn idejn Louis Pace. Mill-11-il metru EDDIE THEOBALD ma tax ċans lill-gowlkiper Belti. Wara l-logħba, il-President tal-MFA Giuseppe Mifsud Bonnici ppreżenta t-trofew lill-captain ta’ Hibernians John Privitera.