Lokali

Aġġornata: Żewġ żgħażagħ arrestati b’rabta ma’ traffikar u pussess ta’ droga

Żewġ żgħażagħ ta’ 24 u 16-il sena ġew arrestati b’rabta ma’ allegat traffikar u pussess ta’ droga fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt ġewwa l-Isla.

Il-Pulizija kienu ilhom diversi jiem josservaw il-movumenti ta’ dawn iż-żewġ persuni. L-ewwel arrest kien taż-żagħżugħ ta’ 24 sena, Davison Micallef fir-residenza privata tiegħu. Hawnhekk insabu 24 pakkett b’sustanza bajda suspettata droga kokaina, 13-il pakkett b’sustanza kannella suspettata droga eroina, blokka suspettata raża tal-kannabis, kif ukoll diversi oġġetti relatati mal-abbuż u traffikar tad-droga u ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti.

Micallef tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli l-Ħadd filgħodu fejn ittieħdet id-deċiżjoni li jinżamm arrestat minkejja li wieħed mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. L-avukati tiegħu Franco Debono u Yanika Bugeja talbu għall-ħelsien mill-arrest. L-uffiċjal prosekutur l-Ispettur Kevin Pulis oġġezzjona minħabba l-fatt li l-Qorti fadlilha tisma’ x-xhieda. B’hekk, il-Maġistrat Demicoli ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ħarġet ordni biex jibqa’ taħt arrest preventiv sakemm il-każ tiegħu jibda jinstema’ fil-Qorti.

Intant, minn tfittxija li saret fuq iż-żagħżugħ l-ieħor, il-Pulizija sabet pakkett suspettat li fih kien hemm ħaxixa tal-kannabis u xi affarijiet oħra relatati mal-abbuż tal-istess droga. Hu mistenni jitressaq quddiem it-Tribunal tal-Ġustizzja aktar ‘il quddiem.