Lokali

Deputat ieħor Nazzjonalista jirċievi pakkett bil-kokaina

Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina fl-aħħar xhur irċieva ittra b’pakkett bil-kokaina – messaġġ li seta’ kien interpretat bħala twissija biex ma jitkellemx fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-Membru Parlamentari qal li l-pakkett wasal mill-Kanada u ntbagħat id-Dar Ċentrali fuq ismu. Hu qal li l-akbar biża’ tiegħu kienet li l-intenzjoni kienet li jsir frame-up fuq il-Partit Nazzjonalista.

Dan il-każ ittieħed minnufih f’idejn il-Pulizija, fejn infetħet inkjesta. Iżda minkejja li għaddew ix-xhur, Aquilina baqa’ ma sema’ xejn dwar dan il-każ.

Minħabba l-fatt li l-każ ilu fuq sena għand il-Pulizija, Aquilina ħass li għandu jitkellem, minkejja li għaddejja Inkjesta Maġisterjali, hekk kif iħoss li bħallikieku każ serju bħal dan ġie injorat.

Il-pakkett wasal ukoll fi żmien l-arrest ta’ Yorgen Fenech, fost diversi arresti oħrajn relatati mal-assassinju.

Ma’ NET News, hu stqarr li mhux l-ewwel darba li rċieva ittri ta’ theddid, għalkemm qal li dan il-każ hu differenti għax seta’ jdaħħal lilu jew lill-Partit Nazzjonalista fl-inkwiet.

Ftit tal-ġranet qabel dan il-każ, anke d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzoaprdi kien irċieva pakkett simili.

Fl-aħħar ġimgħat u xhur, kemm Karol Aquilina kif ukoll Jason Azzopardi kienu wkoll fil-mira ta’ diversi attakki minn esponenti tal-Partit Laburista.