Lokali

Eluf ta’ ħaddiema m’għandhomx in-normalità li qed jiftaħar biha Robert Abela – PN

“Issa li għal Robert Abela l-COVID għaddiet, irid jagħti lura l-miljuni kollha minn flus tal-poplu li nsterqu b’kuntratti li ġew iffirmati minn wara dahar kulħadd. Miljuni f’serq li għandu jiġi investiti lura fis-setturi li l-iktar li qed ibatu u jaffaċċjaw diffikutajiet f’dan iż-żmien”

Dan intqal fi stqarrija tal-Partit Nazzjonalista fejn ġie spjegat li Robert Abela għandu jara li jagħti n-normalità lill-11,000 persuna bla xogħol u mhux jgħidilhom biss biex jonfqu meta m’għandhomx iktar il-ħobża ta’ kuljum, meta hawn familji li qegħdin ibatu. Din nuqqas ta’ sensittività kbir min-naħa ta’ Robert Abela.

Il-Partit Nazzjonalista sostna li se jibqa’ jkun il-vuċi ta’ kull persuna li qed tbati u ssofri u li trid tara kif se jirnexxilha tasal sal-aħħar tax-xahar, li m’għandhiex saqaf fuq rasha, li m’għandhiex garanzija tax-xogħol f’dan iż-żmien tal-pandemija tal-COVID-19.