Lokali

Falliment totali mill-Konsorzju Sadeen

Il-Gvern qed jirrikonsidra li jieħu lura għand il-poplu Malti l-art fiż-Żonqor f’Wied il-Għajn fejn kellu jsir il-proġett mill-Konsorzju Sadeen bħala parti mill-American University of Malta (AUM).

Sorsi infurmati qalu lil il-mument li quddiem il-falliment totali tal-Konsorzju Sadeen li ma laħaqx il-miri tiegħu anki fir-rigward tal-iżvilupp li għamel f’Bormla, issa l-Gvern qed jara mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu biex tal-inqas l-art fiż-Żonqor tittieħed lura għand il-poplu Malti.

Il-protesti kontinwi li l-Gvern iffaċċja fix-xhur u s-snin li għaddew biex din l-art massiċċa tingħata lura lill-poplu Malti, qatt ma ngħataw widen minn Joseph Muscat u l-bella kumpanija, iżda issa l-Gvern – quddiem il-kroll tal-AUM u l-karba tan-nies fin-Nofsinhar ta’ Malta – qed jikkonsidra kif jista’ jieħu lura din l-art.

Sadattant il-parti l-kbira tar-residenti f’Wied il-Għajn huma kontra li tinbena pixxina ġdida tal-waterpolo biswit Triq is-Salini minħabba li jekk isir hekk, allura r-residenti jkollhom problemi kbar ta’ parkeġġ, storju u fl-istess waqt il-bajja tkun ingumbrata.

Għaldaqstant ir-residenti qed jissoktaw jagħmlu pressjoni kbira fuq il-Gvern biex jinvesti fil-pixxina eżistenti billi jirrinovaha u jattrezzaha skont il-ħtiġiet taż-żminijiet tal-lum.

Naturalment biex isir dan il-Gvern irid jieħu lura l-art fiż-Żonqor li ta lill-Konsorzju Sadeen. Il-Gvern hu konxju li l-proġett tal-American University of Malta f’Bormla sa issa kien falliment sħiħ u l-Konsorzju ma laħaqx mal-aspettattivi tiegħu li jġib mijiet ta’ studenti lejn Malta. Dan filwaqt li l-opportunitajiet attraenti li fil-bidu tal-proġett kienu proposti lill-akkademiċi sfumaw ukoll fix-xejn.

Sorsi infurmati li matul din il-ġimgħa tkellmu ma’ il-mument qalu li ftit tal-jiem ilu l-Kunsill Lokali Wied il-Għajn kellu laqgħa mal-Ministru tal-Edukazzjoni Owen Bonnici li staqsa lill-membri tal-Kunsill għal feedback dwar l-iżvilupp propost mill-Konsorzju Sadeen fl-art taż-Żonqor.

Is-Sindku u l-Kunsillieri kollha preżenti kienu vuċi waħda dwar dan il-proġett propost, aktar u aktar meta sa issa l-Konsorzju falla bl-ikrah fir-rigward tal-proġettazzjonijiet tiegħu għall-American University of Malta f’Bormla.

Is-Sindku u l-Kunsillieri spjegaw li huma tal-idea li l-proġett fiż-Żonqor isir biss kemm-il darba l-Konsorzju jilħaq il-miri u l-aspettattivi tiegħu f’Bormla u mhux jagħmel il-miri u jispiċċa ferm ’il bogħod milli jilħaqhom u jonorahom.

Prinċipalment il-proġett ta’ Sadeen għaż-Żonqor hu li jinbnew faċilitajiet fuq tmien sulari biex jakkomodaw dormitorju għal 800 student. Dan allura jieħu post il-pixxina eżistenti, tliet ristoranti, ċentru għall-bugħaddasa u faċilitajiet oħrajn.

Nifhmu li fl-isfond tax-xenarju li ilu jkun żviluppat f’dawn l-aħħar snin, ir-residenti ta’ Wied il-Għajn qed jifhmu aktar li la Sadeen żgarra bl-ikrah fil-proġettazzjonijiet tiegħu f’Bormla, allura l-Gvern għandu jieħu lura din l-art fiż-Żonqor u hekk ma jikkawżax aktar problemi f’din il-parti tal-pajjiż.

Skont ir-residenti dak li għandu jsir hu li l-Gvern jinvesti u jirrinova l-pixxina eżistenti u jġibha ta’ livell internazzjonali u hemm ma jkollux għalfejn jonfoq mas-€6 miljun f’pixxina ġdida f’nofs Wied il-Għajn li se tingombra l-bajja u li se toħloq ħafna inkonvenjenzi forst ir-residenti.

Hu għalhekk li residenti f’Wied il-Għajn qed jisħqu li l-Gvern għandu jirrikonsidra mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu li tinbena pixxina ġdida fil-lokalità li, fuq kollox, hi ‘l barra miz-zona tal-iżvilupp.

Ir-residenti ta’ Wied il-Għajn qed jargumentaw li l-proġett propost mill-Gvern jxekkilhom milli jgwadu l-ambjent naturali u l-baħar, għaliex iż-zona se tittieħed mill-binja nnifisha, minn ċangaturi tal-konrit u mill-attività li se tiġġenera dan l-iżvilupp.

Il-proġett ikollu wkoll impatt negattiv ferm fuq il-problemi tat-traffiku u tal-parkeġġ, kif ukoll se jżid it-tniggis tal-istorbju f’zona kompletament residenzjali.

Ir-residenti qed jibżgħu li dan l-iżvilupp iħalli effetti ħżiena u irriversibbli fuq il-Bajja ta’ Wied il-Għajn u jbiddel il-karattru ta’ dan il-villaġġ għal dejjem.