Ekonomija Kummerċ Lokali

Fejn sparixxa l-Aqwa Żmien? – SĦPN

Is-Solidarjeta’ Ħaddiema Partit Nazzjonalista tesprimi s-solidarjeta’ sħiħa tagħha mal-11,000 ħaddiem li tilfu xogħolhom matul dawn ix-xahrejn. L-aħħar daqqa tkun għal 60 impjegat tal-kumpanija Malta Air li dan il-Gvern tgħidx kemm waqqaf b’pompa liema bħalha flimkien ma’ kumpanija privata oħra. SĦPN bid-dritt kollu tistaqsi fejn marru l-flus tal-Aqwa Żmien? Fejn marru dawk il-flus iġġenerati mis-surplus?

Bil-ftaħir kollu tal-aqwa kabinett fid-dinja u l-aqwa fl-Ewropa, b’surplus u tkabbir fl-ekonomija li tant kien hawn ftaħir dwaru u kitba fuq il-mezzi soċjali li taħsbek qed tgħix f’ġenna tal-art, mal-ewwel mument tal-prova l-ewwel ma qalgħu d-daqqa kienu l-ħaddiema. Ħaddiema li bis-saħħa tagħhom taw sehemhom  għat-tkabbir fl-ekonomija. Ħaddiema li iżda skont ċifri tal-Gvern, diġa’ għen madwar 6,000 ħaddiem barrani jitilqu lura lejn pajjiżhom.

Tajjeb infakkru li dawn kienu qed jikru mingħand il-Maltin. Tajjeb infakkru li dawn kienu parti mill-pjan tal-Gvern biex ikabbar l-ekonomija ta’ pajjiżna. Bħala SĦPN nisaqsu x’inhu l-pjan B biex l-ekonomija tibda tistejqer u l-ħaddiema ma jibqgħux jitilfu ħobżhom.

Minn  hawn insellmu lill-Oppożizzjoni Nazzjonalista li bis-serjeta’ qed tipprepara pjan serju għal kif pajjiżna jista’ jibda t-triq għal ekonomija iktar sostenibbli kif filfatt dejjem għamel meta għal kważi 25 sena ggverna dan il-pajjiż u ħallieh fuq sisien sodi b’setturi ġodda u kumpaniji li ħolqu u qed joħolqu eluf kbar ta’ ħaddiema u żgħażagħ. Insellmu wkoll u nuru solidarjeta’ ma’ dawk kollha li tilfu l-impieg jew qed isibuha diffiċli jkampaw minħabba li l-Gvern jew ma tahhomx għajnuna jew tahhom il-loqom li mhux biżżejjed sabiex il-ħaddiema jinżammu fl-impieg tagħhom.