Coronavirus Lokali

Id-deċiżjoni ta’ amnestija mħabbra mill-Prim Ministru: “insult lill-poplu”

Rabja fost il-membri tal-Korp u l-unions li jirrappreżentawhom

Rabja kbira fost il-membri tal-Korp tal-Pulizija wara d-dikjarazzjoni li għamel il-Prim Ministru Robert Abela waqt l-intervista fuq il-media Laburista, fejn ħabbar li se jkunu qed jinħafru l-multi lil dawk il-persuni li ma segwewx ir-regoli imposti mis-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika fl-aħħar ġimgħat … filwaqt li jrid li tingħata rifużjoni lil dawk li diġà ħallsu l-multa.

Fid-dawl ta’ dan, il-Police Officers Union saħqet li, filwaqt li jirrispettaw id-deċiżjoni tal-Prim Ministru, jibqa’ l-fatt li fl-aħħar xhur, il-Pulizija kienu fost dawk il-frontliners li ddedikaw ir-riżorsi tagħhom biex jiġu infurzati dawn il-miżuri.

Il-Union saħqet li d-deċiżjoni tal-Prim Ministru hi waħda inkwetanti ħafna għax f’każ li dawn il-miżuri jerġgħu jiġu introdotti, żgur li d-deċiżjoni tal-Prim Ministru se tkun qed jikkomplika l-infurzar. Il-POU insistiet li temmen bi sħiħ fl-importanza tal-infurzar ta’ dawm il-miżuri.

Min-naħa tagħha, il-Malta Police Association iddeskriviet il-kummenti ta’ Robert Abela bħala insult kbir għax-xogħol kollu li għamlu l-membri tal-Korp fl-aħħar xhur, fejn ħafna minnhom saħansitra ssugraw ħajjithom biex dawn il-miżuri ġew inforzati.

Saħqet li huma l-Qrati u t-Tribunali tal-Ġustizzja li għandhom il-poteri jiddeċiedu l-eżitu ta’ kull deċizjoni u dan mingħajr pressjoni politika.

L-MPA sostniet ukoll li din id-deċiżjoni se toħloq diskriminazzjoni fuq diversi kontravenzjonijijet, fosthom li lanqas min jipparkja l-vettura irregolarment ma hu kriminal.

L-Assoċjazzjoni fakkret li tul dawn il-ġimgħat, numru ta’ Uffiċjali spiċċaw aggrediti u mhedda waqt li kienu qed jinfurzaw dawn il-miżuri u għalhekk, thoss li d-deċiżjoni tal-Prim Ministru hi ta’ insult lejn il-maġġoranza tal-poplu, li żammew id-dixxiplina.

Il-POU u l-MPA sellmu lill-membri kollha tal-Korp u saħqu li dawn jixirqilhom aħjar.