Il-Papa Franġisku qal li n-nies huma aktar importanti mill-ekonomija – b’dan il-messaġġ qed jingħata sinifikat partikulari waqt li l-pajjiżi jikkunsidraw kemm jistgħu jiftħu malajr għal ‘ħajja normali’ wara ġimgħat ta’ lockdown dovuti għall-infezzjonijiet bil-Covid-19 (coronavirus).
Il-Kap tal-Kattoliċi enfasizza l-punt waqt id-diskors ta’ nofs-inhar (l-ewwel wieħed wara nuqqas ta’ ġimgħat) mit-tieqa tal-Vatikan li tħares għal fuq Pjazza San Pietru (f’Ruma) u meta l-lockdown fl-Italja qed jasal fi tmiemu.
‘L-aktar ħaġa importanti hi li nfejqu lin-nies mhux li nsalvaw il-flus biex ngħinu lill-ekonomija’, tenna l-Papa, filwaqt li enfasizza biex ‘is-saħħa tan-nies tieħu priorità fuq l-ekonomija’.
Hu ma semmiex pajjiżi b’isimhom, meta numru ta’ Gvernijiet qed jaħsbu biex jiftħu mill-ġdid l-ekonomiji rispettivi ħalli jsalvaw ix-xogħol u l-livelli ta’ għajxien. Fl-istess ħin, Gvernijiet oħrajn qed jikkunsidraw jekk iżommux il-lockdown sakemm jaċċertaw li l-virus qattiel jinsab taħt kontroll assolut.
Preżenti fi Pjazza San Pietru kien hemm il-mijiet tan-nies lebsin il-maskri tal-wiċċ u li żammew ftit metri ‘il bogħod minn xulxin.
Il-pjazza kienet infetħet mill-ġdid għall-pubbliku madwar ġimgħa ilu – u meta l-aħħar diskors tal-Papa mit-tieqa tal-Vatikan kien imur lura għall-Ewwel ta’ Marzu. Dan qabel l-Italja ( fejn mietu aktar minn 33,000 mill-Covid-19) kienet iddeċidiet biex timponi l-lockdown; bl-awtoritajiet lokali, issa, qegħdin jaħsbu biex ineħħu l-aħħar restrizzjonijiet għall-pubbliku min-nhar l-Erbgħa.
Sadanittant, il-Papa Franġisku mexxa t-talb għall-ħaddiema mediċi li tilfu ħajjithom huma u jgħinu lil ħaddieħor fl-eqqel tal-kriżi. Hu, fl-istess ħin, esprima t-tamiet li d-dinja ‘jirnexxilha toħroġ aktar magħquda minn qabel minn din il-pandemija’.
Fi żviluppi oħra kompliet is-sitwazzjoni allarmanti għar-Russja li rappurtat madwar 9,300 infezzjoni ġdida bil-Covid-19 – u għal ċifra nazzjonali ta’ kważi 406,000. Dan waqt li mietu 138 oħra mill-effetti tal-virus għal total ta’ 4,693 fil-pajjiż.
Intant, fil-Ġermanja, l-ammont tal-każi tal-coronavirus żdiedu (b’286) għal 181,482 –bi ħdax il-mewta jtellgħu l-ammont tal-vittmi fil-pajjiż għal 8,500.
Il-Prim Ministru ta’ Spanja, Pedro Sanchez qed iħejji biex jitlob lill-Parlament f’Madrid ħalli jaqbel dwar ġimgħatejn estensjoni tal-lockdown (sal-21 ta’ Ġunju) fil-pajjiż.
Din kienet mistennija tkun l-aħħar talba għal estensjoni min-naħa ta’ Sanchez, fost indikazzjonijiet li l-Gvern Spanjol mgħandux jirrestrinġi aktar il-movimenti tan-nies wara dik id-data.
Ir-rati tal-infezzjonijiet u imwiet bil-Covid-19 fi Spanja naqsu drastikament meta l-awtoritajiet lokali jidhru li qed iġibu l-pandemija taħt kontroll.
Spanja – li kienet fost l-agħar pajjiżi milqutin mill-Covid-10 – kienet imponiet stat ta’ emerġenza fl-14 ta’ Marzu u li kien qed jibbaża fuq lockdown strett, fejn in-nies setgħu joħorġu biss minn djarhom biex jixtru l-ikel, jew biex ifittxu kura medika inkella jmorru għax-xogħol fil-każi fejn ma setgħux jaħdmu mid-dar.
Sadanittant, il-parks fetħu mill-ġdid f’Pariġi, il-belt kapitali ta’ Franza, fejn, qegħdin jonqsu l-miżuri biex jillimitaw il-movimenti tan-nies. B’hekk, il-poplu, għall-ewwel darba f’xhur, seta’ iżur il-parks biex igawdi x-xemx waqt li l-familji ħarġu għall-ġiti u għall-ewwel picnics tas-sajf. Madankollu se jibqgħu effettivi numru ta’ regoli, waqt li n-nies jeħtieġu josservaw is-social distancing.
Fir-Renju Unit, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Dominic Raab, esprima fiduċja li t-tnaqqis fil-miżuri tal-lockdown f’pajjiżu hu ‘l-aħjar pass għal dawn iż-żmenijiet’. Raab għadda dan il-kumment l-għada li l-konsulenti xjentifiċi mal-Gvern Britanniku wissew dwar is-sogru li l-lockdown fl-Ingilterra jitneħħa malajr wisq fiċ-ċirkustanzi.
Fl-istess ħin, in-nies vulnerabbli fl-Ingilterra li ilhom miżmumin d-dar mindu beda l-lockdown, jistgħu joħorġu mir-residenzi tagħhom minn għada stess. Fi żvilupp ieħor, il-Gvern Britanniku ħabbar li l-isport kompetittiv domestiku jista’ ukoll ikompli, iżda wara l-bibien magħluqa.
Il-perjodu ta’ xahrejn lockdown intemm għall-moskea ta’ Al-Aqsa – it-tielet l-aktar sit qaddis għall-Iżlamiċi – bid-devoti qed jirritornaw mill-ġdid lejn dan is-sit, f’Ġerusalemm.
L-Indja wkoll qed taħseb biex tnaqqas mir-regoli tal-lockdown minkejja r-rapporti dwar żieda rekord għal kull ġurnata fil-każi tal-Covid-19. Dan meta l-Gvern Indjan qiegħed jaħseb biex idaħħal miżuri aktar flessibbli għall-poplu mit-8 ta’ Ġunju.
Skont l-aħħar ċifri mill-Johns Hopkins University tal-Istati Uniti, il-każi konfermati tal-Covid-19 madwar id-dinja s’issa qabżu s-sitt miljuni.
//= $special ?>