Lokali

Il-maġġoranza tal-poplu ma jridx li jinfetaħ l-ajruport – Stħarriġ

Il-maġġoranza tal-Maltin ma jaqblux li għandu jinfetaħ l-ajruport Malti waqt din il-pandemija. Stħarriġ ikkomissjonat mill-ġurnal Times of Malta wera li l-maġġoranza tal-parteċipanti huma tal-opinjoni li l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jibqa magħluq sas-sena d-dieħla.

Dan wara li aktar kmieni din il-ġimgħa l-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli żvelat li fil-jiem li ġejjin il-Prim Ministru Robert Abela kien ser iħabbar id-data tal-ftuħ tal-ajruport, li s’issa għandu magħluq sal-15 ta’ Ġunju.

Fid-dawl li l-ajruport ilu magħluq mill-21 ta’ Marzu, huwa ftit inqas minn terz tal-Maltin biss li lesti li jsiefru fis-sitt xhur li ġejjin ġaladarba jkunu jistgħu jivvjaġġaw barra minn xtutna.

71% jinsabu konvinti, li minkejja li t-turiżmu huwa forza qawwija sabiex ir-rota ekonomika lokali ddur, l-ewwel ma’ tiġi hija s-saħħa u għaldaqstant huma kontra li jinfetaħ l-ajruport f’dan il-perjodu. Minkejja dan, 11% biss lesti jsostnu t-turiżmu lokali dan is-sajf billi jqattgħu xi jiem f’lukandi Għawdxin jew Maltin.

L-istħarriġ wera wkoll li l-aktar persuna fdata fejn tidħol gwida dwar il-Covid-19 hija l-Professur Charmaine Gauci bi 92% segwita mid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne. Dan filwaqt li l-inqas wieħed fdat minnhom huwa l-Prim Ministru Robert Abela – hekk kif fl-opinjoni tal-parteċipanti Abela huwa l-inqas wieħed kawt kif iwassal il-messaġġ tiegħu; bħal per eżempju meta sostna li, “il-mewġ fil-baħar qiegħed”.

Dan filwaqt li mill-istħarriġ ħareġ li terz tal-parteċipanti sostnew li d-dħul tagħhom naqas drastikament fl-aħħar ġimgħat, b’terz ieħor mis-settur privat jisħqu li għandhom inċertezza kbira dwar l-impjieg tagħhom.