Lokali

Il-Prim Ministru mar kontra dak li qalu l-Awtoritajiet tas-Saħħa – MAPHM

“L-aġir ta’ Robert Abela huwa populist, irresponsabbli u b’nuqqas ta’ viżjoni”

Id-dikjarazzjoni li għamel il-Prim Ministru Robert Abela illum tmur kontra dak kollu li ntqal mill-esperti mediċi u l-pariri kollha li ngħataw fl-aħħar ġimgħat mis-Suprintendenza tas-Saħħa Pubblika.

Hekk saħqet il-Malta Association of Public Health Medicine f‘ittra miftuħa indirizzata lill-Prim Ministru wara li l-Mexxej Laburista ħabbar li għada, t-Tnejn 1 ta’ Ġunju ser ikompli jneħħi aktar miżuri ta’ restrizzjoni.

L-Assoċjazzjoni spjegat l-Awtoritajiet tas-Saħħa għamluha ċara b’mod kostanti li l-miżuri għandhom jitneħħew b’mod gradwali sabiex jigarantixxu s-sigurtà tal-poplu bil-għan li pajjiżna jimxi għan-normalità ġdida.

“Deċiżjoni li taf tixħet lil pajjiżna minn fejn beda…jew agħar”

Ingħad li hija ta’ importanza li bejn rilassament ta’ miżura u oħra hemm bżonn ta’ 3 ġimgħat, pass pass b’mod progressiv. Għaldaqstant l-MAPHM insistiet li din hija l-unika triq biex tiġi salvagwardata s-saħħa tal-Għawdxin u l-Maltin l-għaliex hemm possibilità kbira li jekk dan ma jsirx nerġgħu lura għal li konna jew agħar.

Huma saħqu li l-Awtoritajiet tas-Saħħa fasslu risk assessment sal-inqas dettal dwar kif il-Gvern għandu jneħħi numru ta’ miżuri madanakollu, kompliet l-MAPHM, dan ir-risk assessment għal xi raġuni jew oħra l-Gvern għadu ma ppublikahx.

“L-amnestija mħabbra mill-Prim Ministru tpoġġi s-saħħa tal-pubbliku f’periklu, għal għan populista”

L-Assoċjazzjoni insistiet li pajjiżna jinsab fejn jinsab u kiseb riżultati pożittivi fil-ġlieda kontra din il-pandemija grazzi għall-ħidma tal-frontliners u grazzi wkoll lill-pubbliku li segwa l-pariri tal-mediċi. Dan ifisser li jekk wieħed jinjora għal kollox dawn il-pariri f’nofs triq ninsabu f’riskju li nitilfu l-ħidma u s-sagrifiċċji kollha li għamilna fl-aħħar xhur, għad-detriment tal-ekonomija.

L-MAPHM sostniet ukoll li tinsab ixxukkjata li l-Prim Ministru Robert Abela lest jagħti amnestija lil dawk il-persuni li poġġew il-ħajja ta’ ħaddieħor fil-periklu b’nuqqas ta’ dixxiplina wser tara li ma obdewx il-liġi. Huma saħqu li tali amnestija ser tkun qed tħalli impatti negattivi bla preċedent.

Appell sabiex jippubblika immedjatament ir-risk assessments

Hija saħqet li d-diskors tal-Prim Ministru ser ikun qed jikkomprometti s-saħħa tal-pubbliku u jtellef mis-sustanza ta’ ċertu miżuri li ttieħdu jew ser ikunu qed jittieħdu ‘il quddiem għal għan populista tiegħu. L-aġir ta’ Robert Abela ġie deskritt bħala wieħed ta’ nuqqas ta’ viżjoni, populist u irresponsabbli”

L-MAPHM insistiet li fil-pożizzjoni tiegħu ta’ Prim Ministru ma jinsabx f’pożizzjoni li jagħti carte blanche lil dawk kollha li injoraw il-liġi filwaqt li ħeġġewh jisma’ mill-Awtoritajiet tas-Saħħa u appelawlu sabiex jippubblika immedjatament r-risk assessments sabiex il-poplu jkun jaf hux qed jimxi mal-pariri tal-Awtoritajiet jew le.

Bħala Prim Ministru s-saħħa għandha tkun qabel kollox għal Robert Abela

Fl-istqarrija ingħad li l-Covid-19 ser jibqa’ f’ħajjitna għax-xhur li ġejjin, minkejja li l-Prim Ministru saħaq li “l-Covid jinsab warajna”.

Għaldaqstant saħqu li l-mediċi u l-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa ser jibqgħu jaħdmu għal ġid tas-saħħa pubblika l-ewwel u qabel kollox – aġir li qed jistennew minn Robert Abela bħala Prim Ministru.