Sport Sport Ieħor

Imut l-eks champion Olimpiku Bobby Marrow

(Ritratt: rte.ie)

Tħabbret il-mewt tal-eks champion Olimpiku tal-isprints Bobby Marrow. Marrow miet mewta naturali fl-età ta’ 84 sena fid-dar tiegħu f’San Benito f’Texas. Tul il-karriera tiegħu hu rebaħ tliet midalji tad-deheb fl-isprints tal-100 u l-200 metru fl-Olimpjadi ta’ Melbourne tal-1956. Hu kien ukoll parti mit-tim Amerikan fir-relay 4×100 metru fejn kienu waqqfu rekord mondjali.

Hu rtira sentejn wara dan is-suċċess biex mar jaħdem bħala bidwi u mastrudaxxa. Marrow prova jerġa’ jikkompeti fl-Olimpjadi tal-1960 iżda naqas milli jattendi s-sessjonijiet ta’ kwalifikazzjoni minħabba injury li sofra. Marrow hu wieħed minn erba’ atleti li rnexxilhom jirbħu tliet kompetizzjonijiet f’avveniment wieħed flimkien ma’ Jesse Owens, Carl Lewis u Usain Bolt. Fl-1956 hu kien iddikjarat ukoll bħala l-Isportiv tas-Sena. Tul il-karriera tiegħu, Bobby Marrow rnexxielu jwaqqaf 11 –il rekord.