Lokali

“Infasslu politika ekonomika fl-interess ta’ pajjiżna u tal-poplu Malti u Għawdxi” – Claudio Grech

“Pajjiżna għaddej minn kriżi ekonomika mill-aktar serja kawża tal-pandemija li nfirxet mad-dinja kollha fl-aħħar xhur. Quddiem dan l-istat ta’ fatt pajjiżna ma jistax jistenna l-bajtra taqa’ f’ħalqu u l-Gvern irid jipprepara biex l-isfidi li għandna quddiemna niffaċċjawhom u nikkonvertuhom f’opportunitajiet għal pajjiżna u għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.

“U hu proprju għalhekk li l-Oppożizzjoni l-ġimgħa l-oħra ħadet pass bla preċedent fl-isfond ta’ kif issir il-politika lokali u sħaqna li qegħdin inwarrbu l-politika tal-partiti biex nadottaw il-politika tal-ġid komuni permezz ta’ kontribut dirett fit-tfassil u t-twettiq tal-pjan tal-irkuprar ekonomiku mill-kriżi ekonomika li deħlin fiha.

“Dan hu dak li jiddistingwina bħala Partit Nazzjonalista: li aħna kapaċi npoġġu l-interess ta’ pajjiżna qabel l-interess tal-partit politiku tagħna, għaliex finalment il-partit politiku tagħna mhux qiegħed hemm għalih innifsu iżda qiegħed hemm għall-pajjiżna u għall-familji Maltin u Għawdxin kollha, irrispettivament mill-kulur politiku tagħhom.”

Din l-istqarrija għamilha Claudio Grech, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista dwar l-Ekonomija, li fl-aħħar ġimgħat ħadem dwar dokument komprensiv kif pajjiżna għandu jħejji politika ċara u diretta li tmexxi lill-pajjiż ‘il quddiem wara l-kriżi COVID-19.

Dwar dan id-dokument ma’ Claudio Grech tkellimt fit-tul u l-Kelliem Nazzjonalista beda biex fisser li fl-aħħar ftit ġimgħat ħajjitna nqelbet ta’ taħt fuq.

“Il-mod kif naħdmu, kif it-tfal tagħna jitgħallmu, kif nixtru u saħansitra kif nikkomunikaw ma’ xulxin inbiddlu f’ħakka t’għajn. Bidliet li konna naħsbu li jridu jgħaddu għexieren ta’ snin biex iseħħu, rajniehom jiġru f’perjodu qasir ħafna.”

Hu qal li hekk kif feġġ il-virus tal-COVID-19 f’pajjiżna kulħadd induna li r-riskji li jġib miegħu kienu kbar wisq u li l-uniku triq biex nipproteġu lilna nfusna iżda aktar u aktar lil dawk li huma vulnerabbli fostna, kien li nosservaw id-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika.

“Il-poplu Malti u Għawdxi dan fehmu u b’responsabbiltà u għaqal kbir ikkollabora biex pajjiżna ma esperjenzax xenarji li rajna f’pajjiżi oħrajn viċin tagħna.”

Claudio Grech issokta li minbarra l-emerġenza għall-finijiet ta’ saħħa pubblika, il-kriżi COVID-19 ġabet magħha wkoll kriżi oħra li l-impatt tagħha se jkun itwal. Kriżi li – bħal m’għamilna fil-qasam tas-saħħa – se tirrikjedi li niġbdu ħabel wieħed jekk irridu noħorġu minnha bl-anqas ħsara possibbli.

Din hi l-kriżi ekonomika li qed taħsad l-impjiegi u qed thedded l-għajxien ta’ eluf ta’ familji Maltin u Għadwxin. Meta tħares lejn din il-kriżi b’mod analitiku ssib li hemm tliet fatturi prinċipali li qed ikompli jkebbsu n-nar li qed iqabbad din il-kriżi.

Mistoqsi x’jaħseb dwar il-fatt li l-Gvern qed iwassal messaġġi differenti, Claudio Grech spejga li iva hawn problema ta’ nuqqas ta’ komunikazzjoni effettiva, fejn in-nies qed jingħataw direzzjonijiet differenti minn esponenti differenti fil-pajjiż, b’mod partikolari dawk fdati bit-tmexxija.

Filwaqt li l-awtoritajiet tas-saħħa jappellaw għall-kawtela, il-Gvern jgħid li kulħadd irid imur lura għan-normal u li r-riskji għaddew.

“M’hemm l-ebda dubju li kollha kemm aħna rridu mmorru lura għan-normal iżda n-normal jiġi meta kull uffiċċjal tal-Gvern jibda jwassal l-istess messaġġ lin-nies b’konsistenza.”

Mitlub jikkummenta dwar l-inċertezzi li qed jgħix il-poplu Malti u Għawdxi, Claudio Grech qal li proprju dan hu t-tieni fattur li qed jikkontribwixxi għal din il-kriżi… l-inċertezza… u bosta, bir-raġun kollu, jistaqsu, fost l-oħrajn, jekk hux se jinstabx vaċċin jew le. Dan hu kruċjali biex idaħħal is-serħan il-moħħ fl-ekonomija għaliex kulħadd hu anzjuż dwar it-tieni mewġa tal-virus, jew issa jew fix-xitwa li ġejja.

It-tħassib u l-impatt tal-inċertezza jiżdied aktar meta wieħed iqis li din it-tieni mewġa tista’ tfeġġ fl-istess żmien mal-influwenza staġjonali u b’hekk toħloq diffikultajiet akbar li jerġgħu jirrikjedu miżuri iebsin.

Mitlub jikkummenta dwar stili ġodda ta’ ħajja, fost l-oħrajn dwar is-social distancing, Claudio Grech qal li dan hu fattur mill-aktar profond għaliex jaffettwa l-mod ta’ kif ngħixu u kif allura nġibu ruħna soċjalment u, konsegwentement, ekonomikament.

“Dan hu proprju t-tielet fattur, dan dak li issa drajna nsejħulu bħala social distancing, jew iż-żamma ta’ distanza raġjonevoli ta’ madwar żewġ metri bejn persuna u oħra biex innaqqsu r-riskju tat-trażmissjoni tal-virus.

Dan il-fattur se jħalli impatt enormi fuq kif nixtru mill-ħwienet, kif nikkonsmaw ikel u xorb fir-ristoranti, kif nipprattikaw l-isport u kif nattendu avvenimenti fejn jinġabru ħafna nies, kemm fil-magħluq kif ukoll fil-miftuħ.

“Dawn it-tliet fatturi qed iġibu magħhom realtà ekonomika ġdida. Realtà li tmur ’il hinn miċ-ċifri tal-istatistika. Dan kollu qed iwassal għal tnaqqis fl-attività ekonomika fil-pajjiż, li qiegħed ipoġġi f’riskji numru ta’ setturi u industriji li qed jintlaqtu b’mod ħażin ħafna.

“Il-kollass totali tat-turiżmu kif ukoll il-fatt li eluf ta’ ħaddiema barranin li kienu f’pajjiżna qed ifittxu biex jitilqu lura lejn pajjiżhom, tfisser tisbita kbira fid-domanda u l-konsum.

“Dan qed iwassal għal telf ta’ eluf ta’ impjiegi, fejn f’April rajna li, f’temp ta’ ftit ġimgħat, il-qgħad irdoppja f’pajjiżna. Jekk dan il-fenomenu jkompli jerfa’ rasu, aktar impjiegi jibqgħu jintilfu, bil-konsegwenza li l-pagi ta’ min jibqa’ fl-impjieg jibdew jonqsu wkoll, biex dan jibda jwassal għar-rankatura tal-faqar f’pajjiżna,” fisser Claudio Grech.

Hu kompla li wħud mis-setturi ntlaqtu aktar mill-oħrajn, b’numru ta’ intrapriżi jinsabu f’xifer ta’ falliment. Ovvjament dan jindika li l-ekonomija tal-“aqwa żmien” li tant smajna ftaħir biha, kienet waħda mibnija fuq it-tafal, bl-ewwel maltempata tkaxkar ħafna minnha.

“Ekonomija li kienet mibinja fuq il-konsum u fuq it-tkabbir tal-popolazzjoni mingħajr ebda ppjanar fit-tul jew investiment fil-ħolqien ta’ setturi ekonomiċi ġodda. Aktar minn hekk, pajjiżna kien lanqas beda jirkurpra mill-kedda ekonomika li ħa fl-aħħar xhur meta pajjiżna għadda mill-agħar kriżi politika tiegħu f’dawn l-aħħar tletin sena.”

Għalkemm wieħed ma’ jista’ qatt iwaħħal fil-kriżi tal-COVID-19 fuq il-Gvern tal-ġurnata, dan kollu xorta jpoġġi obbligu fuq il-Gvern biex jindirizza din il-kriżi.

Il-Gvern għamel dan permezz ta’ sett miżuri intiżi biex jgħinu lill-industrija li għenu numru ta’ setturi jibqgħu f’wiċċ l-ilma għal dawn l-aħħar ġimgħat. Madankollu anke hawn il-Gvern naqas bil-kbir għaliex bil-mudell li adotta kien selettiv wisq u ħalla eluf ta’ ħaddiema f’diversi setturi f’riskju li jitilfu xogħolhom għaliex l-intrapriża li jaħdmu fiha ma ngħatatx għajnuna materjali biżżejjed. Dan qed iwassal għal problemi kbar speċjalment fejn jidħlu self-employed żgħar li jħaddmu numru żgħir ta’ nies.

Hawnhekk Claudio Grech saħaq li l-Gvern qed jibqa’ jwebbes rasu u ma jridx jifhem li dawn l-intrapriżi ma jistgħux ifendu għal rashom. Mingħajr appoġġ materjali dawn se jisfaxxaw u magħhom jintilfu eluf ta’ impjiegi oħra li ser ikun diffiċli ħafna li nerġgħu noħolquhom speċjalment fil-kuntest tat-tip ta’ ekonomija li daħħal il-Gvern f’dawn l-aħħar seba’ snin: ekonomija li nbniet fuq il-konsum u mhux fuq il-valur miżjud. Bil-konsum idub qisu silġa fix-xemx, l-ekonomija qed tiffaċċja riskju li tiżżarma.

Hu spjega li għalkemm id-deċiżjonijiet jeħodhom il-Gvern, l-Oppożizzjoni għandha rwol importanti f’dan kollu. Hawn min jargumenta li din hija problema li hija parzjalment kawża tal-politika ekonomika tal-Gvern u allura għandu jitħalla jsolviha waħdu.

Hawn min imur oltre u jgħid li l-Oppożizzjoni għandha tagħmel bħalma dejjem għamlu oppożizzjonijiet laburisti u nikkritikaw kollox u ma nikkollaborawx mal-Gvern. Iżda aħna nqisu li din hija politika skaduta li m’għadx għandha postha fis-sena 2020.

“Jiena nemmen li aħna bħala Oppożizzjoni li nirrappreżentaw 43% tal-vot popolari f’dan il-pajjiż, għandna obbligu li mhux biss nikkritikaw iżda li nikkontribwixxu lejn is-soluzzjonijiet ekonomiċi għal dan il-pajjiż. Qabel opinjoni politika, aħna lkoll Maltin u Għawdxin u f’ċirkostanzi tant diffiċli li ninsabu għaddejjin minnhom dan hu dak li għandna npoġġu l-ewwel u qabel kollox,” qal Claudio Grech.

U hu proprju għalhekk li l-Oppożizzjoni l-ġimgħa l-oħra ħadet pass bla preċdent fl-isfond ta’ kif issir il-politika lokali u sħaqna li qegħdin inwarrbu l-politika tal-partiti biex nadottaw il-politika tal-ġid komuni permezz ta’ kontribut dirett fit-tfassil u t-twettiq tal-pjan tal-irkuprar ekonomiku mill-kriżi ekonomika li deħlin fiha.

“Dan hu dak li jiddistingwina bħala Partit Nazzjonalista: li aħna kapaċi npoġġu l-interess ta’ pajjiżna qabel l-interess tal-partit politiku tagħna, għaliex finalment il-partit politiku tagħna mhux qiegħed hemm għalih innifsu iżda qiegħed hemm għall-pajjiżna u għall-familji Maltin u Għawdxin kollha, irrispettivament mill-kulur politiku tagħhom.”

Claudio Grech fisser li għaldaqstant, wara li ddiskutejna fit-tul, bħala Oppożizzjoni pproponejna li din il-ħidma ma tkunx sempliċement faċċata jew waħda ta’ konvenjenza, iżda waħda ta’ konvinzjoni li ġġib flimkien mhux biss liż-żewġ partiti politiċi iżda wkoll lill-imsieħba ewlenin kollha, inkluż korpi kostitwiti, unions u soċjetà ċivili. Jekk verament irridu nħaddmu l-prinċipju ta’ solidarjetà, hekk biss nistgħu naslu biex nibdew nitilgħu din il-muntanja li għandna quddiemna.

“Aħna ma waqafniex sempliċement f’dikjarazzjoni ta’ intenzjoni iżda evolvejna l-ħsieb tagħna wkoll fuq kif dan kollu jista’ jsir tant li ħabbarna għaxar pilastri tal-politika ekonomika li fuqhom nemmnu li jrid jinbena l-pjan tal-irkuprar ekonomiku għall-pajjiżna.”

Hu kompla li l-pass li jmiss issa hu li l-Gvern jaċċetta l-proposta tagħna biex titwaqqaf task force li ġġib flimkien lill-Gvern, l-Oppożizzjoni u lill-imsieħba kollha biex illum qabel għada nfasslu l-pjan ta’ rkuprar u kulħadd ikollu l-viżibbiltà ċara quddiemu biex nistgħu nibdew nibnu.

“Aħna nemmnu li għandna l-ħila li noħorġu minn din il-kriżi. Jekk ikun hemm rieda tajba nistgħu negħlbu din l-isfida wkoll, bħalma għeliebna sfidi oħra fis-snin li għaddew,” temm il-Kelliem Nazzjonalista dwar l-Ekonomija.