Il-preżentatur tal-media Laburista Karl Stagno Navarra ngħata aktar minn €60,000 f’direct orders mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fl-aħħar tliet snin biss tat-tmexxija ta’ Joseph Muscat.
F’risposta li ta l-Prim Ministru Robert Abela għal Mistoqsija Parlamentari mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni Claudette Buttigieg, irriżulta li, bejn l-2017 u l-2019 biss, Stagno Navarra ngħata direct order ta’ €21,600 mill-Prim Minisrtu kull sena. Madankollu, mhux ċar għalxiex ingħata dawn id-direct orders.
Fl-2006, Stagno Navarra twaqqaf minn impjegat ta’ Media.Link Communications u minn hemm, beda kampanja qalila kontra l-Partit Nazzjonalista u l-media tiegħu … sakemm fl-aħħar snin spiċċa impjegat tal-media Laburista bi programm ta’ propaganda kuljum.
Fl-aħħar tal-2019 – fil-qalba tal-kriżi politika li wasslet għar-riżenja ta’ Muscat minn Prim Ministru – Karl Stagno Navarra kien saħansitra appella lis-segwaċi tiegħu biex jixgħelu xemgħa fit-tieqa, b’appoġġ għall-Mexxej Laburista ta’ dak iż-żmien.
Minbarra dawn id-direct orders, matul is-snin li Muscat kien Prim Ministru, il-preżentatur Laburista kien ingħata wkoll diversi karigi għoljin, fosthom rwoli suppost ta’ konsulenza jew ta’ relazzjonijiet pubbliċi fi Transport Malta, fl-Air Malta u fil-Malta Enterprise.
F’Ottubru 2016 – tmien xhur qabel ir-rebħa elettorali ta’ Muscat fl-2017 – Karl Stagno Navarra kien iffaċċjat b’digriet mill-Bord li jirregola l-Kirjiet biex iħallas €20,400 lil kumpanija privata f’kirjiet li ma ħallasx għal penthouse f’San Ġiljan.
U f’Mejju tal-2017 – xahar biss qabel l-istess elezzjoni ġenerali – il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia kienet żvelat fuq is-sit tagħha li Karl Stagno Navarra għandu storja ta’ 24 sena b’akkużi ta’ frodi … b’għadd minnhom saħansitra kkonfermati bil-Qorti.
Sadanittant, fil-lista ppreżentata wara l-Mistoqsija Parlamentari ta’ Claudette Buttigieg – li tlaħħaq għal total ta’ kważi €6 miljun mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fi tliet snin – tinkludi wkoll persuni oħrajn u entitajiet qrib ħafna tal-Partit Laburista, li wkoll ingħataw direct orders fl-aħħar tliet snin tat-tmexxija ta’ Muscat.
Fost dawn … Patrick Dalli, ir-raġel tal-eks Ministru Laburista Helena Dalli, Veronique Dalli, oħt l-MEP Laburista Miriam Dalli, l-Uffiċċju Legali tal-istess Veronique Dalli u anke Nexia BT.
Min-naħa tiegħu, l-eks Prim Ministru Muscat issa ntagħżel mill-Prim Ministru attwali Robert Abela biex itih konsulenzi dwar l-ekonomija.
//= $special ?>