Lokali

L-Air Malta tieqaf tixtri l-fuel mill-Enemed

Ritratt: Matthew Tabone

Sorsi infurmati fi ħdan il-kumpanija nazzjonali tal-ajru l-Air Malta żvelaw ma’ il-mument li għal dawn l-aħħar xhur il-kumpanija ma baqgħetx tixtri l-fuel mingħand l-Enemed, iżda l-ajruplani qed jimlew il-fuel skont fejn jagħmlu l-inżul tagħhom.

Il-prassi tal-kumpanija Air Malta kienet li meta l-ajruplani tagħha jkunu fl-Ajruport Intrernazzjonali Malti, allura l-bowsers tal-Enemed imorru huma bil-fuel ħdejn l-ajruplani. Minn ftit tax-xhur ‘l hawn il-kumpanija ħadet id-deċiżjoni li twaqqaf ix-xiri tal-fuel mingħand l-Enemed u tibda tixtri l-fuel direttament minn barra l-pajjiż.

Jirriżulta li fl-aħħar xhur l-ajruplani tal-kumpanija kienu qed jimlew it-tankijiet tal-fuel tagħhom fir-ritorna lejn Malta u l-fuel mixtri ma kienx ikun biss biex iservi għall-vjaġġ, iżda t-tank tal-fuel jimtela’ kollu.

Id-deċiżjoni tat-tmexxija tal-Air Malta li ma tibqax tixtri l-fuel mill-Enemed immaturat biss fuq konsiderazzjonijiet finanzjarji – fis-sens li minn barra l-kumpanija tixtri l-fuel ħafna orħos minn dak li kien ikun fornut lilha mill-Enemed.

Mhux magħruf jekk qabel id-deċiżjoni aħħarija tal-Air Malta kienx hemm xi tip ta’ taħditiet mal-Enemed li xorta għadha taħdem mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Li hu żur hu, skont sorsi infurmati li tkellmu ma’ il-mument, li fl-aħħar xhur il-kumpanija ffrankat għexieren ta’ eluf ta’ ewro fi fuel minħabba li l-prezzijiet f’Malta huma fost l-ogħla fl-Ewropa.

Dan l-atteġġjament tal-Air Malta jagħti raġun ta’ mija fil-mija lill-konsumatur Malti li qiegħed ikompli jintalab iħallas ferm bil-għoli għas-servizzi tal-petrol u d-diesel. Fil-fatt is-sewwieqa Maltin qed iħallsu 18ċ u 13ċ aktar għall-petrol u

d-diesel mis-sewwieqa Ewropej.

Dan jirriżulta mir-rapport dwar is-swieq taż-żjut li joħroġ kull ġimgħa mill-Kummissjoni Ewropea li kkonferma li l-prezzijiet taż-żjut fl-aħħar ġimgħat komplew jorħsu bil-kawża prinċipali tkun il-COVID-19.

Dan qiegħed iwassal biex kważi fost il-pajjiżi Ewropej kollha l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel qed jitraħħsu biex hekk ikunu jirriflettu din il-waqgħa kostanti fil-prezzijiet taż-żjut.

Is-sitwazzjoni attwali hi li meta tqabbel il-prezzijiet lokali tal-petrol u d-diesel mal-istess prezzijiet (like with like) kif qed jinbiegħu dawn il-prodotti fis-swieq Ewropej l-oħrajn, jirriżulta li f’Malta l-prezzijiet huma t-tielet l-ogħla.

Jirriżulta li s-sewwieqa Maltin u Għawdxin qed jintalbu jħallsu 18ċ aktar għal kull litru petrol u 13.5ċ għal kull litru diesel. Dawn huma ċifri medji skont kif inhuma pubblikati fl-aktar rapporti reċenti maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea f’dawn il-jiem.

Din id-diskrepanza qawwija kontra s-sewwieqa Maltin u Għawdxin hi b’riżultat tal-politika tal-Gvern Laburista li perjodikament jiffissa l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel u ma jiċċaqlaqx minnhom bir-riżultat li għal dawn l-aħħar snin – minkejja kull waqgħa fil-prezzijiet taż-żjut – il-Maltin u l-Għawdxin baqgħu jħallsu fost l-ogħla prezzijiet għall-petrol u d-diesel.

Dan ifisser li mis-27 pajjiż membru fi ħdan l-UE, f’Malta l-prezzijiet huma t-tielet l-ogħla għaliex il-Gvern mhux jaġġusta l-prezzijiet biex ikunu jirriflettu x’qed jiġri fis-swieq internazzjonali tal-produzzjoni taż-żjut.

Ironikament ħafna jiftakru kif kien f’Awwissu 2019 meta l-Gvern kien irriveda l-prezzijiet tal-petrol u tad-diesel. Dakinhar il-Gvern, minkejja l-andament fis-suq internazzjonali, kien żied il-prezz tal-petrol u d-diesel b’ħames ċenteżmi kull litru kull prodott biex hekk il-petrol mibjugħ mill-pompi tal-petrol tela’ għal €1.41 kull litru u €1.28 kull litru fir-rigward tad-diesel.