Coronavirus Lokali

L-eluf li qed ifittxu xogħol huma l-prijorità tagħna – Adrian Delia

Issa li Robert Abela qal li l-COVID għadda nistennew li jagħtina lura l-miljuni li tajna għal xejn lil Steward u s-serq kollu ta’ flus il-poplu minn wara dahar kulħadd. Il-Partit Nazzjonalista b’viżjoni ċara fejn irid li jwassal lil pajjiżna għal ekonomija b’saħħitha wara l-pandemija tal-COVID-19.

“L-eluf li qegħdin ifittxu xogħol hija l-prijorità tagħna, n-negozji li qegħdin ibatu jeħtieġu għajnuna immedjata. Kull persuna li qed tbati u ssofri, u li trid tara kif se jirnexxilha tasal sal-aħħar tax-xahar, li m’għandhiex saqaf fuq rasha, li m’għandhiex garanzija tax-xogħol. Dawn huma n-numri li jinteressaw lili u lill-Partit Nazzjonalista, mhux in-numri tal-elezzjonijiet u tas-surveys, dawn in-numri li rridu nitkellmu dwarhom, u għandna l-obbligu li nħarsu u niffokaw ħidmietna fuq dawn l-individwi kollha li jeħtieġu l-għajnuna.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista fuq NET Television.

Adrian Delia qal li issa li Robert Abela ddikjara li l-COVID għaddiet, għada stess jgħidilna li se jagħtina lura l-miljuni kollha li nsterqu mill-flus tal-poplu biex ingħataw lil Vitals u Steward. Huwa qal li qed jistenna li għada stess, Robert Abela jgħidilna li s-€6 miljuni li ħa s-CEO tal-Vitals Ram Tumuluri u li l-€1.8 miljun mill-flus tal-poplu li ħadu l-Ministri biex jagħmlu propaganda għalihom fil-mezzi soċjali se jintraddu lura, biex dawn il-miljuni kollha li nsterqu jiġu investiti f’min huwa vulnerabbli, fil-ħaddiema u dawk in-negozji kollha li qegħdin jaffaċċjaw id-diffikultajiet f’dan iż-żmien tal-pandemija. Meta 11,000 persuna m’għandhomx xogħol, għandna qegħdin nagħtu €90 miljun fis-sena lil Steward għall-isptarijiet li minnhom ma ħadna xejn, €96 miljun fix-xiri tal-gass u l-fuels meta l-prezz internazzjonali raħas ferm u għadhom qed jitħallsu l-commissions, bil-Gvern jibqa’ jagħti iktar lill-kbir u liż-żgħir iħallih b’xejn. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li se jibqa’ jaħdem u jinsisti li ssir il-ġustizzja, li l-ġid li jinħoloq jinfirex ma’ kulħadd u li ssir ġustizzja soċjali ma kulħadd.

Adrian Delia qal li l-mentalita’ tal-Gvern hi li jipproteġi lill-kbir, il-kriminal u l-politiku biex imbagħad irid jagħti t-tagħlimiet biż-żgħir. Huwa qal li l-liġi tgħodd għal kulħadd u Kummissarju tal-Pulizija ġdid irid jaċċertana li se jieħu l-passi mingħajr ma jħares lejn wiċċ ħadd u jinvestiga lil min seraq lill-poplu u jara l-kuntratti kollha li qegħdin inħallsu għalihom. Dan meta Konrad Mizzi għadu ma ġiex quddiem il-Parlament biex jagħti rendikont u jwieġeb lill-poplu għall-kuntratti kollha li ffirma biex jisraq lin-nies u meta Joseph Muscat, li ġie ddikjarat bħala l-izjed Prim Ministru korrott fid-dinja qed jgħati l-konsulenzi lil Robert Abela. Adrian Delia qal li s-segretezza u n-nuqqas ta’ trasparenza saru trademark tal-Gvern Laburista u mistoqsi dwar iż-żjara tal-Prim Minsitru fil-Libja, qal li kien qed jistenna li Robert Abela jgħidilna din iż-żjara eżattament fhix issarfet għax il-poplu jixraqlu li jkun jaf x’ġara, x’qed jigri u x’qegħdin nistennew fil-jiem li ġejjin.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern mhux qed ikun trasparenti u jgħid il-verita lanqas fl-ekonomija, u meta Robert Abela jgħid li qegħdin lura għan-normalita’ u lura għax-xogħol qed ikun insensittiv lejn dawk il-11,000 ħaddiema li llum m’għandhomx xogħol. Huwa qal li l-Gvern huwa nieqes mill-viżjoni ekonomiku u d-direzzjoni lejn fejn irid jieħu lill-pajjiż wara l-pandemija bil-Ministru għall-Ekonomija jgħidilna biex nonfqu flok jgħidilna fejn se ninvestu f’setturi u negozji, u l-Ministru għall-Finanzi jgħidilna li l-kumpaniji qishom nemel u dak li warrbu issa jridu jonfquh, l-istess Robert Abela li jgħidilna biss biex mmorru nonfqu u nikkunsmaw. Adrian Delia qal li l-Gvern qata’ qalbu mill-fondi tal-Unjoni Ewropea u diġa’ wera li mhux kapaċi li jinnegozja biex iġib l-aqwa għal pajjiżna biex jifrex dawn il-fondi man-negozji, min iħaddem u l-ħaddiema.

Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni minflok trid li jkun hawn diskussjoni serja madwar il-mejda flimkien mal-istakeholders kollha sabiex naraw it-trasformazzjoni vera tal-ekonomija ta’ pajjiżna tal-futur, u naraw liema setturi innovattivi se ninċentivaw, kif se nsaħħu l-użu tal-pjattaformi diġitali u noħolqu postijiet tax-xogħol f’setturi ġodda. Adrian Delia qal li jemmen fil-Maltin u l-Għawdxin, għax huma bieżla, bil-għaqal u investiti u dawn huma l-ingredjenti importanti sabiex verament flimkien nagħmlu passi ta’ ġgant ‘il quddiem wara l-pandemija tal-COVID-19.