Lokali

“Ma nħallux lil Għawdex jitlef il-karatteristici imprezzabbli bħala gżira unika” – Chris Said

Id-Dwejra, Għawdex

“Jeħtieġ li jsir kull sforz u impenn bl-akbar serjetà biex Għawdex ma jkomplix jitlef mill-karatteristiċi li tul is-snin għamluh Għawdex li jafu kulħadd.

“Il-Gvern hu fid-dover li jindirizza d-diversi problemi kbar li qed jiżviluppaw f’Għawdex – mill-iżvilupp bla rażan bi blokok tal-konkrit kull fejn tħares sad-droga faċli biex tinstab u li qed tifni ħafna familji. Mir-rovina tal-pjasaġġ tipiku Għawdxi għall-isfida li l-aqwa mħuħ fost iż-żgħażagħ qed jabbandunaw lill-gżira.

“Issa li twaqqaf il-Kumitat Parlamentari dwar Għawdex – inizjattiva tiegħi u ta’ sħabi Għawdxin, il-Gvern għandu jassigura li jisfruttah bl-aqwa mod possibbli biex nindirizzaw – anzi nantiċipaw – il-problemi ta’ Għawdex. Dan biex il-kwalità ta’ ħajja hawnhekk ma tiddeterjorax a skapitu ta’ missirijietna li ħadmu u stinkaw biex għaddewlna lil Għawdex kif nafuh; a skapitu ta’ wliedna li għandna ngħaddulhom lil Għawdex fl-aqwa stat possibbli biex huma wkoll igawduh u jgħadduh san lill-ġenerazzjonijiet futuri.”

Din id-dikjarazzjoni għamilha Chris Said, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Għawdex, f’intervista li għamiltlu matul din il-ġimgħa dwar Għawdex u li fiha tkellimna dwar diversi suġġetti attwali li jolqtu direttament lil Għawdex.

It-test sħiħ ta’ din l-intervista hu dan.

Tini kwadru oġġettiv ta’ Għawdex illum

Nista’ ngħidlek li għandna Għawdex li ftit ftit qed jitlef il-karatteristiċi tiegħu. Għawdex li b’mod rapidu ħafna qed jitlef it-tessut soċjali tiegħu. Għawdex li qed jitlef iż-żgħażagħ u l-aħjar imħuħ tiegħu li qed jitilqu lejn Malta. Għawdex li għadna fiċ-ċans li nsalvaw dak li fadal u nżommuh differenti minn Malta. Li ma nħalluhx isir ġungla tal-konkrit u jibqa’ attraenti għal dawk li jżuruna.

Għawdex li fih qed naraw li s-serħan tal-moħħ li tgħix fih qed jgħib jum wara jum u dan hu ta’ sfortuna kbira għaliex Għawdex hu destinazzjoni mill-isbaħ u għandu ħafna karatteristiċi li jagħmluh uniku fil-veru sens tal-kelma.

X’inhuma l-akbar sfidi li Għawdex qiegħed jiffaċċja bħalissa?

L-isfida prinċipali ta’ Għawdex hi l-mod rapidu li bih qed jinbidel it-tessut tas-soċjetà Għawdxija. Dan qed iġib miegħu għadd ta’ problemi li sa ftit ilu ma konniex noħolmu bihom iżda li jeħtieġ li jkunu indirizzati bis-serjetà biex l-affarijiet ma jkomplux jaggravaw u jmorru minn ħażin għall-agħar.

Il-Kumitat tal-Kamra li jiffoka fuq Għawdex huwa idea tajba ħafna… iżda qed jilħaq l-aspettattivi tiegħu?

Dan il-Kumitat Parlamentari dwar l-Affarijiet ta’ Għawdex kien pass importanti għall-gżira reġjun ta’ Għawdex. Kienet proposta tiegħi u ta’ sħabi Membri Parlamentari Għawdxin tal-Oppożizzjoni li rrid ngħid li sabet l-appoġġ tal-Membri Għawdxin tal-Gvern.

Wara li ġiet approvata l-mozzjoni mressqa minna, imbuttajna kemm flaħna biex jibda jaħdem u xahar ilu proprju beda jiltaqa’ dan il-Kumitat.

F’xahar diġà żammejna erba’ laqgħat, prattikament laqgħa kull ġimgħa. Bdejna niddiskutu l-effett tal-COVID-19 fuq Għawdex u dak li ġej wara li tgħaddi din il-pandemija.

Ma għandix l-iċken dubju li jekk dan il-Kumitat jitħaddem kif suppost, iħalli effett tajjeb ħafna fuq il-gżira Għawdxija. Iċ-ċavetta għas-suċċess ta’ dan il-Kumitat Parlamentari hu li flimkien naħdmu b’mod ġenwin u nġibu l-ewwel u qabel kollox l-interess ta’ Għawdex u l-interess tal-Għawdxin.

Jien u l-kollegi se naraw li npoġġu fuq l-aġenda ta’ dan il-Kumitat temi importanti li jolqtu lil Għawdex u lil Għawdxin… u l-lista hi twila.

Fl-ewwel laqgħa ċ-Chairperson talbet li nipproponu materji għad-diskussjoni biex isir pjan ta’ ħidma. Jien u l-kollega Kevin Cutajar bgħatna s-sugġġerimenti tagħna mill-ewwel. Fl-aħħar laqgħa rriżulta li r-rappreżentanti tal-Gvern fuq dan il-Kumitat baqgħu ma bagħtux is-suġġerimenti tagħhom.

Irridu li dan il-Kumitat ikun effettiv u se naraw li jkun effettiv. Il-fatti li poġġejna lil Għawdex fuq l-aġenda tal-Parlament b’mod kostanti u permanenti diġà hu pass kbir. Issa rridu naraw li dan il-Kumitat jintuża tajjeb. Li fih inġibu l-esperti li hemm bżonn u diversi għaqdiet Għawdxin jipparteċipaw fid-diskussjoni.

Determinati li dan il-Kumitat li twaqqaf bi proposta tagħna jaħdem u jħalli l-frott. L-ewwel xahar ta’ ħidma wera li dan jista’ jsir.

L-ekonomija f’ Għawdex hi ġġamjata. X’tikkummenta?

Sfortunatament minn Marzu ‘l hawn l-ekonomija ta’ Għawdex waqfet. Il-pandemija laqtet lil Għawdex iżjed minn Malta u dan għaliex l-ekonomija Għawdxija tiddependi fuq it-turiżmu ħafna iżjed minn Malta.

Fil-fatt 50% tal-Prodott Gross Domestiku ta’ Għawdex ġej mit-turiżmu filwaqt li f’Malta ftit anqas minn 20% ġej mit-turiżmu. Dan ifisser li l-fatt li għandek it-turżimu wieqaf għalkollox ħalla impatt enormi fuq Għawdex. Għandu parti minn dan it-tort il-Gvern li ma ħa l-ebda passi biex jiddiversifika l-ekonomija – anzi kompla jserraħ kollox fuq it-turiżmu.

It-turiżmu hu importanti imma ma nistgħux inħallu li kollox jiddependi mit-turiżmu. It-turiżmu jista’ jkollu daqqiet bħalma rajna, li mhux bilfors ikunu pandemija. Anke problemi f’pajjiżi minn fejn jiġi t-turiżmu tagħna jaf ikollhom daqqa fuq Għawdex. Nispera u nawgura li matul ix-xhur li ġejjin nirpiljaw ftit bit-turiżmu intern – bil-Maltin li jżuru Għawdex għal btala tagħhom.

Aħna lesti li nagħtu l-appoġġ kollu tagħna lill-Gvern biex jieħu inizjattivi biex nassiguraw li nattiraw l-akbar ammont ta’ turiżmu intern possibbli.

Hemm pjan għal Għawdex għal wara din il-kriżi?

Le ma hemmx. U dan ħareġ ċar waqt waħda mil-laqgħat tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Affarijiet ta’ Għawdex meta staqsejt lill-Ministru għal Għawdex jekk għandux xi forma ta’ tim jew task force taħdem fuq pjan għal wara l-kriżi.

Ir-risposta kienet kif ngħidu bl-Ingliż: ‘a blank face’. Speċi ried jgħidli – dik xi tkun? Kien ovvju li ma hemm ħadd jaħdem fuq dan il-pjan. Mhux biss imma anke minn mistoqsijiet parlamentari li nagħmlu jidher ċar li ma hemmx pjan għal Għawdex post COVID-19 u l-Gvern qed jimxi ġurnata b’ġurnata.

Aħna nsostnu li kellu jinħadem pjan b’konsultazzjoni wiesgħa mal-imsieħba kollha Għawdxin u bis-sehem ukoll tal-Oppożizzjoni biex malli noħorġu minn din is-sitwazzjoni nkunu nistgħu nirpiljaw malajr kemm jista’ jkun.

Qegħdin tard imma xorta jista’ jsir u għalhekk l-appell tiegħi lill-Ministru għal Għawdex u lill-Gvern hu biex ma jaħlux iżjed żmien u jwaqqfu task force li taħdem lejl u nhar biex tlesti dan il-pjan tant importanti. Hu hekk biss li d-daqqa li qed nieħdu ntaffuha u jbatu l-inqas nies possibbli.

Sa issa l-Gvern ftit qed jagħti kas.

Dan l-aħħar kien hemm min tkellem dwar problemi serji ta’ droga u alkohol f’Għawdex. X’tikkummenta?

Il-mod kif id-droga qed tkun tant aċċessibbli f’Għawdex u mingħajr ebda problemi ta’ xejn huwa fattur li jinkwetani ħafna. Niltaqa’ ma’ genituri bħali li jgħiduli kemm hu faċli li tigi akkwistata u kif “Għawdex mifqugħ bid-droga”.

Jidher ċar li ma hemmx ir-rieda biex issir gwerra lit-traffikanti tad-droga. Ma hemmx l-aptit biex ikun hemm infurzar qawwi. Ma hemm l-ebda taqsima ta’ intelligence fi ħdan il-Pulizija f’Għawdex li qed taħdem fuq dan.

Saħansitra għandek sitwazzjoni fejn id-droga qed tinbiegħ fid-dawl tax-xemx fil-pjazez tal-irħula. Fl-istess waqt, u dan hu ta’ għafsa kbira ta’ qalb, iddur l-istess pjazez, irħula u villaġġi f’Għawdex u ssib li 80% tal-Għases tal-Pulizija huma magħluqa!

Il-messaġġ li qed jagħti l-Gvern f’ dan il-qasam hu ħażin.

Hemm bżonn li nħarrxu l-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga. Id-droga qed teqred il-ħajja ta’ ħafna nies. Qed tkisser ħafna familji. Il-Pulizija wkoll taf li d-droga f’Għawdex qed tagħmel ħafna ħsara u l-problema kibret… allura nistaqsi jien… il-Pulizija se tibqa’ b’idha fuq żaqqha?

Se niddiversifika ftit… diversi proġetti nofs lejħa… x’tikkmmenta?

Il-Gvern dejjem jiftaħar bil-proġett li jkun se jagħmel. Jgħaddi ż-żmien u tistaqsi jew tfittex u dawk il-proġetti jew ma jsiru qatt jew jitħallew nofs leħja. Se nagħtik ftit eżempji.

  • Wegħdu yacht marina oħra f’Għawdex. Urewna l-pjanti u ssemmiet f’diversi baġits. Sal-lum ma sar xejn u baqgħet fl-ajru.
  • Wegħdu cruise liner terminal – rajna l-pjanti wkoll iżda ma sar assolutament xejn.
  • Issemma’ għal snin il-casino f’Għawdex – baqa’ biss wegħda.
  • Wegħdu bini ta’ Qorti ġdid – bidlu l-pjanti tliet darbiet. Nefqu eluf kbar. U issa jidher li tpoġġa kollox fuq l-ixkaffa qabel biss tpoġġiet ġebla waħda minn dan il-Qorti.
  • Il-famuż fast ferry service – sena wara l-oħra nisimgħu li daqt jibda u sal-lum dan is-servizz baqa’ ma sarx. Mhux talli ma sarx dan is-servizz iżda talli s-servizz tal-cargo lejn Sa Maison twaqqaf għalkollox.
  • Il-pixxina f’Għawdex – seba’ snin imwiegħda u sal-lum għadha ħofra;
  • Bini ta’ skola primarja ġdida fir-Rabat – għaddew seba’ snin u għadu kemm beda x-xogħol bi pjan zopp għax se ssir skola bla ebda parakeġġ fl-aktar parti kummerċjali u traffikuża tar-Rabat.
  • It-triq minn Nadur lejn l-Imġarr – sentejn magħluqa u dan l-aħħar reġa’ beda x-xogħol bla ebda data meta se jitlesta.
  • Bini ta’ sptar ġdid b’450 sodda – Steward ħadu miljuni kbar u dan l-isptar lanqas biss għadha saret applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar biex jiġi approvat.

Gozo Channel f’xifer falliment… x’tikkummenta?

M’hemmx dubju li fl-aħħar xhur il-Gozo Channel ħadet daqqa kbira mil-lat kummerċjali. Din hija kumpanija pubblika li titħaddem bi flus pubbliċi iżda kull darba qed jirrifjutaw li jagħtu d-dettalji.

Pereżempju ma jridux jgħidu kemm qed tħallas għal kull ġurnata tal-vapur ‘MV Nikolaus’. Aħna nafu li qed jitħallas €13,000 kuljum (ma jinkludix il-fuel) iżda l-Gozo Channel tibqa’ taħbi.

Bħala Oppożizzjoni rridu li din il-kumpanija tingħata l-għajnuna li hemm bżonn f’dan iż-żmien diffiċli. Hija kumpanija li tipprovdi l-life link ta’ Għawdex u tal-Għawdxin u għalhekk għandha wkoll skop mhux biss kummerċjali imma wieħed soċjali wkoll.

Anke hawn toħroġ id-differenza enormi bejn Gvern tal-Partit Nazzjonalista u dak tal-Partit Laburista. Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalist investa fi tliet vapuri ġodda u adattati għat-traġitt bejn Malta u Għawdex filwaqt li Gvern immexxi mill-Partit Laburista meta ġie bżonn ir-raba’ vapor flok xtara jew bena vapur ġdid u adattat, qabad u kera vapur bl-eluf kbar kuljum – vapur second hand tas-second hand li mhux aċċessibbli. Xempju ċar ta’ kif Gvern immexxi mill-Partit Laburista jistma lill-Għawdxin.