Lokali

NIŻVELAW: L-akkużi se joħorġu fil-ġranet li ġejjin

NET NEWS jista' jikkonferma li l-uffiċjali mhux se jiġu akkużati b'ħasil ta' flus

Fi żmien ftit jiem, se jinħarġu l-akkużi uffiċjali fil-konfront tal-membri tal-Korp tal-Pulizija li kienu inqabdu f’nofs skandlu marbut ma’ abbuż fl-overtime kif ukoll racket ta’ ħlasijiet minn taħt u ċitazzjonijiet maħfura.

Sorsi mid-Depot ikkonfermaw ma’ dan is-sit illi l-akkużi se jkunu dwar dikjarazzjonijiet foloz u frodi.

Fuq l-akkużi ta’ frodi mill-Pulizija, il-piena taf tkun priġunerija minn sentejn sa disa’ snin. Dan f’każ li l-ammont ta’ ħsara teċċedi l-€5,000.

Apparti minn hekk, il-piena taf tiġi miżjuda bi grad minħabba li huma uffiċjali pubbliċi.

NET NEWS jista’ jikkonferma li l-uffiċjali tal-Pulizija mhux se jiġu akkużati b’ħasil ta’ flus.

Mill-inqas 37 membru mill-fergħa tat-Traffiku kienu ġew arrestati bħala parti minn investigazzjoni dwar dak li l-pulizija s’issa ssostni li huwa abbuż fl-overtime.

Minbarra stejjer ta’ eluf ta’ ewro fi ħlasijiet minn taħt, fi Frar kienu inkixfu wkoll stejjer ta’ theddid fuq uffiċjali oħra tal-Pulizija, relazzjonijiet intimi bejn Pulizija f’forma ta’ tpattija, serq ta’ fuel, xibka ta’ hbiberiji, ċitazzjonijiet maħfura b’mod abbużiv u ħafna aktar.

Il-persuna li esponiet din il-korruzzjoni fil-korp tal-Pulizija stqarret li uffiċjali ġabru “flus ta’ protezzjoni” mingħand kumpanijji tal-kostruzzjoni u oħrajn tat-trasport biex jagħlqu għajnejhom għal kontravenzjonijiet tat-traffiku u ksur ieħor tal-liġi.

Il-whistleblower żvela li diversi membri tal-korp kienu qed jiġbru flus u rigali mill-kumpaniji, fi prattika li kienet ilha għaddejja għal numru ta’ snin. Il-flus kienu jidħlu f’kont bankarju amministrat minn uffiċjal tal-pulizija partikolari u wara dan kien iħallas lill-bqija.