Internazzjonali

SpaceX…Fażi ġdida ta’ missjoni spazjali storika

Żewġ astronawti Amerikani tan-NASA li telqu b’rokit  tat-tip Falcon-9 mill-Kennedy Space Center ta’ Florida (fl-Istati Uniti) ikkonkludew proċedura ta’ docking ( waqfien) mal-Istazzjon tal-Ispazju Internazzjonali (ISS).

L-ekwipaġġ Amerikan, fl-aħħar sigħat, kien qed jivvjaġġa f’kapsula provduta mill-kumpanija privata SpaceX – b’din tkun l-ewwel darba mindu ġew irtirati x-shuttles, disa’ snin ilu, li astronawti għamlu dan it-tip ta’ vjaġġ mill-Istati Uniti.

L-astronawti inkwistjoni,Doug Hurley u Bob Behnken, mhux biss qegħdin jippruvaw sistema ġdida għal kapsula spazjali iżda anki qegħdin jintroduċu mudell ġdid għan-NASA.

Dan meta l-aġenzija tal-ispazju Amerikana mhix se tkun aktar proprjetarja tal-vetturi spazjali iżda sempliċiment tkun qed tħallas għal speċi ta’ ‘servizz tat-taxi fl-ispazju’ li qed toffri l-kumpanija SpaceX, tal-biljunarju Elon Musk.

Mal-konklużjoni tad-docking, l-awtronawti setgħu jinżlu mill-kapsula u jissieħbu mal-membri tal-ekwipaġġ – Amerikani u Russi – li kien hemm diġà abbord l-Istazzjon tal-Ispazju Internazzjonali