Internazzjonali

Stati Uniti: Ħuġġieġa ta’ vjolenza u vandaliżmu fost il-protesti ta’ wara l-qtil f’Minnesota

L-awtoritajiet f’numru ta’ bliet Amerikani ħarġu direttiva għall-curfews biex jillimitaw il-movimenti tan-nies, fost it-tentattivi biex irażżnu l-furja u l-inkwiet wara l-mewt, f’Minnesota, ta’ raġel iswed, li kien qed jinżamm mill-pulizija.

Il-mewt tar-raġel, George Floyd, fil-belt ta’ Minneapolis qajjmet ħuġġieġa ta’  vjolenza u vandaliżmu mhux biss f’Minnesota iżda anki madwar l-Istati Uniti. Dan meta n-nies qed jisfidaw il-curfews fost l-inċidenti numerużi fejn spikkaw is-serq mill-ħwienet, il-ħruq tal-karozzi u attakki fuq bini partikulari.

Il-pulizija rreaġew għal dawn l-inċidenti bl-isparar ta’ gass tad-dmugħ u balal tal-gomma fuq il-follol irrabjati, bit-tensjoni ma tonqosx f’Minneapolis u bliet oħrajn.

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ħeġġeġ biex in-nies jikkalmaw u jżommu lura minn ‘azzjonijiet inaċċettabbli’ b’rispett għall-memorja tal-vittma. Fl-istess ħin, Trump qal – b’referenza diretta għall-inkwiet — li ma ‘ma jistax jippermetti li gruppi ta’ persuni vjolenti jibqgħu f’kontroll tas-sitwazzjoni’.

Pulizija abjad li jismu Derek Chauvin mistenni jitressaq il-qorti ‘fi kwistjoni ta’ sigħat’ biex iwieġeb dwar il-qtil ta’ Floyd. Dan wara li, ftit tal-jiem ilu, beda jiċċirkola filmat (minn Minneapolis) ta’ Chauvin qed jagħfas irkopptu fuq għonq Floyd li kien miżmum mal-art wara l-arrest  – bil-vittma jilmenta kemm-il darba li ma setax jieħu n-nifs, anki waqt li beda jitlob għal ħajtu.

Derek Chauvin, intant, tkeċċa mill-korp tal-pulizija ftit wara l-inċident, bl-istess destin imiss lil tliet kollegi li kienu miegħu fuq il-post.

Il-każ ta’ Floyd reġa’ xpruna r-rabja fost il-poplu dwar il-qtil tal-Amerikani suwed taħt idejn il-pulizija. L-għadab jirrifletti wkoll snin ta’ frustrazzjoni dwar l-inugwaljanzi soċjo-ekonomiċi li qed ibatu r-residenti suwed fi bliet bħal Minnesota.

Fi tmiem il-ġimgħa saru dimostrazzjonijiet kbar f’talanqas 30 belt tal-Istati Uniti u waqt li dawn bdew bil-kwiet, maż-żmien bdew deħlin rapporti dwar ‘dejjem aktar inċidenti’ aktar ma beda jgħaddi l-ħin.

Fost l-agħar bliet affettwati mill-inkwiet kien hemm il-belt ta’ Los Angeles. Dan waqt li l-Gvernatur ta’ Kalifornja, Gavin Newsom, iddikjara stat ta’ emerġenza f’din il-belt waqt li sejjaħ l-intervent tal-Gwardja Nazzzjonali – il-qawwa militari ta’ riserva li tintuża għal emerġenzi domestiċi.

Il-belt ta’ Los Angeles tinsab taħt curfew strett wara li gruppi ta’ vandali serqu dak kollu li setgħu mill-ħwienet waqt li wħud mid-dimostranti taw in-nar lil diversi proprjetà. Il-pulizija wieġbu bl-isparar ta’ balal tal-gomma waqt li attakkaw lid-dimostranti bil-lembubi, fost il-mijiet tal-arresti.

Fi New York inħarqu l-karozzi tal-pulizija, bil-qawwiet tal-liġi wkoll iwettqu għexieren ta’ arresti. Intant, is-Sindku ta’ Chicago, Lori Lightfoot, imponiet curfew u  esprimiet ruħha bħala ‘diżgustata mill-vjolenza’.

Id-dimostranti f’Atlanta baqgħu fit-toroq wara li beda l-curfew f’din il-belt filwaqt li wettqu l-ħsarat lill-proprjetà u l-vetturi. Anki f’din il-belt saru numru sinifikanti ta’ arresti.

F’Minneapolis, mijiet ta’ uffiċjali tal-Gwardja Nazzjonali għenu lill-pulizija biex jinfurzaw il-curfew, waqt li folol ta’ dimostranti f’Washington, insulentaw u provokaw lill-uffiċjali tal-Gwardja Nazzjonali fl-inħawi tal-White House.

F’Indianapolis, kien hemm talanqas inċident fejn persuna tilfet ħajjitha fi sparatura, b’kelliema għall-pulizija jgħidu li ‘l-ebda uffiċjal tal-korp ma fetaħ in-nar fuq xi ħadd’. Inċidenti oħra seħħew fil-belt ta’ Philadelphia fejn weġġgħu numru ta’ pulizija, waqt li d-dimostranti serqu mill-ħwienet u ħarqu l-karozzi.

Sadanittant, il-curfews qegħdin ikunu infurzati wkoll f’Miami, Portland, Louisville u diversi bliet oħra, għalkemm numru sostanzjali ta’ nies qegħdin jinjoraw id-direttivi, fost it-tensjoni kontinwa.