Coronavirus Lokali Saħħa

Appell biex il-pubbliku jżomm il-kawtela u jisma’ biss mit-tobba – MAM

Il-Gvern m'għandux jazzarda jilgħab logħba kerha ħafna li jpoġġi f'periklu ħajjet in-nies

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija, il-MAM permezz ta’ stqarrija tenniet biex il-pubbliku jżomm il-kawtela u jisma’ biss mit-tobba, dan fid-dawl ta’ dak li ntqal ilbieraħ mill-Prim Ministru Robert Abela fejn qal li l-virus jinsab warajna.

Il-MAM qalet li tinsab imħassba u mhux ftit bil-proposti tal-Prim Ministru li jmorru kontra kull parir tal-esperti tas-Saħħa Pubblika, proposti li hi sejħet li huma mingħajr il-bażi xjentifika meħtieġa.

Il-MAM tfakkar lill-Prim Ministru li l-ġimgħa li għaddiet kien hemm tliet imwiet u li s-sitwazzjoni tista’ ma tkunx daqstant tajba.

“Għad hemm trażmissjoni mill-komunità li x’aktarx tmur għall-agħar malli jiftaħ l-istaġun turistiku.”

Il-MAM qalet li t-tneħħija tal-multi minħabba ksur ta’ kwarantina, jew regoli ta’ tbegħid soċjali mhux dak li huwa mistenni minn Gvern responsabbli. Il-MAM temmen fl-istat tad-dritt u l-ebda politiku ma għandu jimmina l-ħidma tal-pulizija, tal-prosekuturi tal-istat u tal-ġudikatura dwar xi reat.

“M’għandu jkun hemm l-ebda premju għal dawk li huma imprudenti u jpoġġu ħajjet nies oħra f’riskju.”

It-tobba qalu li meta l-miżuri qed jintreħew, bla bażi u mingħajr studju, ‘il quddiem jaf ikollok riperkussjonijiet gravi li jafu jwaslu għal aktar każijiet.

Il-MAM tenniet li fl-aħħar xhur, it-tobba, il-professjonisti mediċi u bosta oħrajn għamlu minn kollox biex din l-imxija b’xi mod tinżamm taħt kontroll u saħqet biex il-Gvern ma jazzardax jilgħab logħba kerha ħafna li jpoġġi f’periklu ħajjet il-Maltin u l-Għawdxin f’riskju assolut.