L-istudenti ta’ età primarja rritornaw għal-lezzjonijiet f’numru ta’ skejjel ġewwa r-Renju Unit, iżda l-istħarriġ jissuġġerixxi li ‘madwar nofs il-ġenituri’ setgħu deċidew biex iħallu lil uliedhom id-dar.
Hu minnu wkoll li numru ta’ skejjel ma fetħux f’diversi zoni waqt li l-imkejjen infurmati provdew ‘stampa mħallta’ dwar din il-ġurnata skolastika.
It-tfal fl-etajiet ta’ Reception u li jattendu klassijiet mill-Ewwel sas-Sitt sena setgħu jirritornaw għal-lezzjonijiet wara li wħud kienu ilhom ma jattendu l-iskola għal għaxar ġimgħat.
Dan meta r-Renju Unit qed ikompli jnaqqas mill-miżuri tal-lockdown li kienu imposti bħala difiża kontra l-firxa tal-Covid-19 li ħalliet impatt devastanti fuq il-ħajja u l-ekonomija lokali.
Waqt ir-restrizzjonijiet tal-coronavirus, numru ta’ skejjel fir-Renju Unit kienu baqgħu miftuħin għat-tfal ta’ xi ħaddiema partikulari kif ukoll għal tfal vulnerabbli. Iżda llum jistgħu jirritornaw ħafna aktar studenti, skont il-programm tal-Gvern stabbilit.
Fl-istess ħin, il-unions tal-għalliema u xi awtoritajiet lokali xorta esprimew biża’ u tħassib dwar il-kunċett tas-sigurtà fiċ-ċirkustanzi. Kien hemm ukoll każi fejn ħafna skejjel ma aċċettawx numru akbar ta’ studenti — inkella li jattendu għal-lezzjonijiet l-istudenti kollha ta’ etajiet speċifiċi bħalma jippermetti l-programm.
Is-Segretarju għall-Edukazzjoni, Gavin Williamson, min-naħa tiegħu, qal li t-tfal iridu jpattu għan-nuqqas ta’ lezzjonijiet u li t-tfal huma ħerqanin ‘biex jerġgħu jaraw lill-ħbieb u l-għalliema’.
Il-Ministri Britanniċi qed jgħidu li l-iskejjel li qegħdin jiftħu għandhom jgħinu lill-ġenituri li qed jirritornaw għax-xoghol minn aspett ta’ childcare, minbarra li jaġġornaw lit-tfal skont l-ammont tat-tagħlim li tilfu.
Madankollu, ħafna familji deċidew biex iżommu lill-uliedhom id-dar skont stħarriġ tan-National Foundation for Educational Research.
L-istħarriġ sab li ’46 fil-mija tal-ġenituri mhumiex se jħallu lill-uliedhom ċkejknin jattendu l-iskola’, l-istess bħall-’50 fil-mija tal-ġenituri li t-tfal tagħhom imorru l-iskola fiz-zoni żvantaġġjati’.
Minbarra dan, mal-25 fil-mija tal-għalliema mistennija jkunu assenti minħabba raġunijiet ta’ saħħa personali inkella minħabba li għandhom qraba li huma partikularment vulnerabbli għall-Covid-19.
//= $special ?>