Internazzjonali

COVID-19….Pajjiżi jħarsu lejn il-bidliet, b’oħrajn jiffaċċjaw ir-realtà

Numru ta’ pajjiżi Ewropej qegħdin ikomplu jneħħu r-restrizzjonijiet li kienu imposti waqt l-agħar perjodu tal-Covid-19.

Ir-ristroranti, kafeteriji u mużewijiet fl-Olanda reġgħu fetħu, bl-istabbilimenti tax-xorb qed iservu lill-klijenti fin-Norveġja waqt li n-nies, f’Ruma ( fl-Italja) jistgħu jżuru mill-ġdid il-monument tal-Kolossew.

F’Moska, il-belt kapitali tar-Russja, in-nies huma permessi biex, għall-ewwel darba f’disa’ ġimgħat, joħorġu barra ( bħala numri speċifikati) għall-passiġġati.

Fil-Greċja reġgħu fetħu l-iskejjel primarji, flimkien ma’ xi lukandi, open-air cinemas, korsi tal-golf u swimming pools għall-pubbliku.

Fl-Afrika t’Isfel, inġabru sriebet ta’ nies barra l-ħwienet li jbiegħu l-alkoħol wara li r-restrizzjonijiet għall-bejgħ tneħħew għall-ewwel darba f’xahrejn,

Il-każi ta’ infezzjonijiet bil-Covid-19 qabżu n-nofs-miljun fil-Brażil. Dan hu t-tieni l-akbar numru ta’ infezzjonijiet għal pajjiż wieħed fid-dinja.

Il-Metro Manila – ir-reġjun tal-kapitali fil-Filippini – naqqas lockdown li kien ilu jiġi impost min-nofs Marzu. Aktar persuni se jkunu permessi li jaħdmu u l-ħwienet se jiftħu mill-ġdid, għalkemm iridu jinżammu ħafna restrizzjonijiet.

Il-belt Ċiniża ta’ Wuhan – fejn il-virus ħareġ għall-ewwel darba – ma rapporta l-ebda każijiet asintomatiċi. Dan wara li ċ-Ċina, nhar il-Ħadd, irreġistrat 16-il każ ġdid tal-Covid-19, u fejn il-persuni infettati kollha kienu ġejjin minn barra.