Coronavirus Lokali Saħħa

“Diskors xokkanti u traskurat” – MUMN b’reazzjoni għad-diskors ta’ Robert Abela

L-MUMN qalet li l-Prim Ministru żgur mhux isegwi l-pariri tas-settur tas-Saħħa

Fi stqarrija l-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel tennew li hija insult lejn il-ħaddiema tas-settur tas-saħħa li tingħata amnestija lil dawk li kissru l-liġi. Il-Union qalet li d-diskors tal-PM mhux biss kien ta’ xokk għal ħafna iżda kien ukoll diskors traskurat.

Fl-istqarrija l-Union sfidat lill-Gvern biex jippubblika l-istrateġija biex jerħi r-restrizzjonijiet imposti, strateġija li kienet ingħatat mis-Supridentent tas-Saħħa Pubblika.

L-MUMN qalet li l-Prim Ministru żgur mhux isegwi l-pariri tas-settur tas-Saħħa.

Bil-ftuħ tal-ajruport, il-persuni vulnerabbli kollha, il-ħaddiema tal-isptar u l-anzjani se jkunu f’riskju bla bżonn.

“Ħajjithom hija tagħhom u l-ebda Prim Ministru m’għandu mandat fuqha.”

L-istqarrija kompliet li minflok ikollna Prim Ministru li jħeġġeġ il-kawtela, it-tbegħid soċjali u miżuri importanti oħra li jistgħu jipprevjenu ż-żieda f’każijiet tal-Covid, f’Malta għandna Prim Ministru li joħroġ l-amnestiji lil dawk li kissru l-miżuri, jinforma lill-poplu b’dikjarazzjoni falza li l-Covid telqet għal kollox u ma għamel xejn biex jipproteġi lill-ħaddiema tal-kura tas-saħħa, il-persuni vulnerabbli u l-anzjani.