Formula 1 Sport

Hamilton bi kritika lejn il-komunità tal-Formula 1 dwar il-qtil ta’ George Floyd

(Ritratt: EPA)

Is-sitt darbiet rebbieħ tal-Formula 1 Lewis Hamilton ikkritika lill-komunità tal-Formula 1 dwar is-silenzju tagħha b’rabta mal-qtil ta’ George Floyd, raġel ta’ karnaġġjon skur li miet wara li pulizija Amerikan tefa’ kupptejh fuq għonqu fl-art.

Il-mewt tiegħu f’Minneapolis wasslet għal mewġa’ ta’ protesti fl-Istati Uniti. Hamilton li hu l-ewwel sewwieq ta’ karnaġġjon skur champion tad-dinja, jagħmel ħafna mill-ħin tiegħu fl-Istati Uniti u l-Ħadd tkellem fuq Instagram dwar din il-kwistjoni.

“Nara ħafna minnkom li bqajtu silenzjużi, uħud minnkom fost l-ikbar stilel imma bqajtu silenzjużi fost din l-inġustizzja. L-ebda sinjal minn ħadd fl-industrija tagħna li ovvjament hi ddominata minn persuni bojod. Jien wieħed mill-ftit persuni ta’ kulur imma hemm għadni ninsab waħdi,” qal Hamilton.

Is-sewwieq ta’ Renault Daniel Ricciardo qal fuq Instagram li l-mewt ta’ Floyd hi tal-mistħija u sejjaħ biex kulħadd jingħaqad kontra r-razziżmu. Is-sewwieq ta’ McLaren Lando Norris ħeġġeġ lin-nies biex fuq il-media soċjali jiffirmaw petizzjoni kontra r-rażżiżmu. Is-sewwieq Kanadiż Nicholas Latifi li għandu jsuq ma’ Williams is-sena d-dieħla, qal li dawn is-sitwazzjonijiet għandhom jieqfu u talab ġustizzja għal George Floyd.