Internazzjonali

Hong Kong-Ċina: Il-velja ta’ Tiananmen projbita għall-ewwel darba fi 30 sena

Il-pulizija f’Hong Kong — it-territorju semi-awtonomu taċ-Ċina – qed tipprojbixxi l-velja annwali li tfakkar il-massakru tal-attivisti favur id-demokrazija li kien seħħ fl-4 ta’Ġunju tal-1989 fi Pjazza Tiananmen, f’Beijing.

Din hi l-ewwel darba fi 30 sena li mhix se ssir il-velja f’Hong Kong, bil-pulizija tispjega li ħadet dan il-pass minħabba l-impatt u effetti tal-Covid-19.

Il-velja, taħt id-dawl tax-xemgħa, is-soltu tattira folol kbar u kienet l-unika avveniment ta’ dan it-tip li qatt ġie permess f’territorju taċ-Ċina. Fil-fatt, il-velja tas-sena l-oħra attirat folol enormi u kienet saret ġimgħa biss qabel seba’ xhur ta’ protesti favur id-demokrazija u konfronti ripetuti mal-pulizija f’Hong Kong.

Il-pulizija, issa, qalu li din is-sena għażlu li jirtiraw il-permess għar-rally ‘għaliex attività pubblika bħal din għandha thedded il-ħajja tal-pubbliku’.

L-Alleanza ta’ Hong Kong li ilha torganizza l-velji mill-1990 ħeġġet biex ir-residenti, minflok, jixgħelu xemgħa u josservaw minuta ta’ silenzju.

Il-kelliema tal-Alleanza qalu li ma jistgħux jifhmu għalfejn il-Gvern qed jiċħad li jsiru r-rallies politiċi meta ta l-permess biex jiftħu l-iskejjel u biex in-nies jattendu attivitajiet bħall-karaoke jew iqattgħu ħin madwar is-swimming pools.